Pulizija
Pulizija jgħinu tfajla mitlufa ssib it-triq lejn darha

Tfajla li ntilfet hija u tirritorna lejn darha esprimiet l-apprezzament tagħha fuq il-media soċjali għall-pulizija li għenuha ssib it-triq lura lejn id-dar.

It-tfajla rrakkuntat li filgħaxija kienet qed issuq lura lejn id-dar u peress li t-triq li mill-bypass tal-Marsa tagħti għal San Ġiljan kienet magħluqa ppruvat tgħaddi minn triq li soltu ma tgħaddix minnha.

“Spiċċajt f’żona kwieta bla karozzi u bi ftit dawl. Kont xi ftit imbeżżgħa. Rajt żewġ karozzi tal-Pulizija u waqaft fil-ġenb biex nitlobhom id-direzzjoni. U bdew jispjegawli. Imma ndunaw li ma kont qed nasal iktar minn żewġ toroq”.

It-tfajla żiedet tgħid li l-pulizija ndunaw li xorta kien qed ikollha diffikultà biex tifhem minn fejn kellha tgħaddi u għalhekk qalulha biex issegwihom.

Meta waslet l-Imsida hija rrealizzat fejn kienet u b’hekk setgħet tkompli fid-direzzjoni lejn darha.

“Tidher xi ħaġa żgħira għal uħud imma rari napprezzaw ix-xogħol tal-Pulizija. Għalija kienu veru ta’ għajnuna u marru lilhinn minn dak li tlabthom”, żiedet tgħid it-tfajla.