COVID-19
‘Pulizija l-ħin kollu jduru u jekk tikser ir-regoli jwaħħlulek multi kefrin’ – Maltija li tgħix Spanja

Fi Spanja, wara 52 ġurnata f’lockdown totali, min-nhar il-Ħadd li għadda l-Ispanjoli ħadu ftit tan-nifs għax bdew jitħallew joħorġu b’għadd ta’ restrizzjonijiet. Madankollu, il-Gvern Spanjol qed jiddiskuti l-possibbilità li l-lockdown jiġi estiż sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.

Fl-eqqel tal-pandemija tal-Covid 19, il-Gvern Spanjol impona dak li jista’ jitqies bħala l-aktar wieħed b’miżuri stretti fl-Ewropa u bdew jintreħew ftit fl-aħħar ġranet. Għall-Ispanjoli dak kien ħmar il-lejl anke għaliex ħafna minnhom, speċjalment f’Madrid jgħixu f’appartament żgħar li ma setgħux joħorġu minnhom għall-ebda raġuni ħlief għal qadjiet essenzjali.

Maria Delicata, Maltija li ilha 15-il sena tgħix f’Madrid, iddeskriviet dawn il-ġranet bħala iebsin immens, mhux biss għal binthom u għat-tfal kollha li ma setgħux joħorġu, imma wkoll għalihom minħabba li kellu jinbidel il-mod kif jaħdmu.

“Il-pulizija l-ħin kollu ddur. Pereżempju għandna kelba, tawna permess li nistgħu nniżżlu l-kelba biex tagħmel il-bżonnijiet tagħha 3 darbiet kuljum. Imma l-pulizija xħin tarak ħierġa jiġifieri tkun diġà fuqek, jaraw fejn tgħix, jekk domt iktar minn 5 minutes iddur bil-kelba barra, jiġifieri tinżel u titla’. U eżempju xirja jgħidulna noħorġu darba kull għaxart ijiem. Trid tmur is-supermarket tal-area tiegħek, il-pulizija jwaqqfuk il-ħin kollu, jekk ma jkollokx karta li tgħid sejra għax-xogħol jew jekk ma jarawkx xirja kbira tas-supermarket iwaħħlulek il-multi u hawnhekk il-multi kienu kefrin ħafna.”

Min-nhar il-Ħadd li għadda l-Gvern Spanjol reħa ftit minn din il-lockdown totali.

“Nifs kbir għalina. Mill-Ħadd li għadda issa qassmu l-ġurnata f’ċertu ħinjiet u eżempju mis-6 tal-10 ta’ filgħodu tista’ toħroġ tagħmel naqra sports. Trid tkun waħdek, ma tridx tagħmel iżjed minn siegħa barra u ma tistax tmur iżjed minn 1 kilometre minn fejn tgħix int. Mill-10 sa nofsinhar jistgħu joħorġu x-xjuħ, 70 plus biex jimxu mixja, min-nofsinhar sas-7 jista’ joħroġ parent wieħed ma’ 3 itfal, ma tistax toħroġ il-familja kollha…. Inti tgħid ħa nipprova mmur nimxi iżjed minn siegħa u jaqbduk, anke kellna helicopters u drones iduru fuqna eżempju jekk jaraw nies jippruvaw jidħlu parks u jarawhom bil-helicopters u d-drones.”

F’Madrid l-iżjed li ġew rappurtati każi u mwiet kawża tal-coronavirus minn Spanja kollha. F’dawn il-ġranet il-Gvern Spanjol qed jiddiskuti l-possibbilita’ li bosta mil-mizuri tal-lockdown jiġu estiżi sal-24 ta’ Mejju. Is-sinjura Delicata qalet li għalkemm kulħadd xeba’ ġewwa, il-biċċa l-kbira tal-Ispanjoli jifhmu wkoll li la għad m’hawnx vaċċin kontra dan il-virus, iridu joqogħdu attenti. Stqarret li diġà qed jingħad reġgħu bdew jiżdiedu l-każi ta’ infezzjonijiet mindu ġew illaxkati l-miżuri. Ir-rata tal-imwiet iżda naqset fl-aħħar ġranet u llum ġew rappurtati 185 persuna li mietu bil-Covid 19.

Aħbarijiet Oħra
Sport

Ħames għaqdiet sportivi Għawdxin ibbenefikaw mis-somma ta’ €20,750 mill-isports scheme biex iwettqu l-proġetti tagħhom din is-sena. L-għaqdiet li bbenfikaw huma: Għajnsielem Redcoats, li ngħataw is-somma ta’ €5,000 bit-titlu tal-proġett ‘Sizzling…

Lokali

L-Aġenzija Identity Malta dalwaqt se tibda toħroġ karta tal-identità ġdida li se jkollha karatteristiċi ġodda ta’ sigurtà li jħarsu l-identità tal-persuni. Il-karatteristiċi l-ġodda jagħmluha diffiċli li d-dokument jiġi mbagħbas jew…

Infrastruttura

Minn din il-ġimgħa l-ġenituri ta’ tfal bl-awtiżmu jistgħu jieħdu lil uliedhom jilagħbu fil-grawnd tal-binja ‘The Meeting Place’ fil-Marsa. Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, Michelle Muscat, qalet li t-tfal bl-awtiżmu se jkollhom post…

Qorti

Koppja minn Ħal Qormi nżammet arrestata wara li tressqet il-Qorti akkużata b’ħasil ta’ flus. Amanda Farrugia ta’ 33 sena u Terence Cini ta’ 34 sena ċaħdu l-akkużi kontrihom, b’Cini akkużat…

Aktar