Lokali
Aġġornat: jinżamm arrestat wara li weġġa’ pulizija – ipprova jixħet banketta waqt li kien qed jiġi arrestat

Mario Baldacchino ta’ 51 sena nżamm arrestat wara li t-Tlieta waranofsinhar tressaq il-qorti mixli b’għadd ta’ akkużi foshom li weġġa’ serjament kuntistabbli tal-pulizija li kien qiegħed jipprova jarrestah.

Il-każ seħħ il-Ħadd li għadda f’Ħal Qormi fi Triq il-Kus, meta l-Pulizija ġiet mgħarrfa li l-akkużat kien qiegħed jhedded u jaġixxi b’mod aggressiv raġel ieħor.

Mal-wasla tal-pulizija fuq il-post, Baldacchino li mhux l-ewwel darba li xellef difrejh mal-ġustizzja, beda jirrifjuta l-ordnijiet tagħhom u pprova jaħrab meta għarrfuh li kien se jiġi arrestat. Kien hawn li l-pulizija safa ferut u kellu jittieħed l-isptar b’ambulanza.

L-Ispettur Kevin Pulis qal li Baldacchino qabad banketta u kien se jipprova jixħitha lejn pulizija. Hawn intervjena pulizija ieħor u spiċċa weġġa’ saqajh.

Huwa ġie akkużat li aggredixxa, insulta u hedded tliet uffiċjali tal-pulizija u li darab wieħed minnhom b’mod gravi. Huwa ġie mixli wkoll li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-pulizija u li kiser il-paċi pubblika.

Il-Pulizija akkużawh ukoll li insulta u li hedded raġel ieħor u li allegatament wettaq dan ir-reat matul perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża.

Il-qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest fid-dawl tal-fatt li għad iridu jixhdu bosta persuni.

Il-Prosekuzzjoni rrimarkat ukoll il-gravità tal-akkużi u l-fatt li dan l-inċident seta’ kellu konsegwenzi ħafna aktar gravi.

Fil-fatt, il-pulizija ġarrab ġrieħi serji fi rkopptejh u mistenni jieħu żmien twil sakemm jirkupra.

Żiedet tgħid li l-akkużat ingħata bosta opportunitajiet mill-qorti biex jirriforma ruħu iżda baqa’ ma tgħallimx u jfittex l-inkwiet.