Pulizija
Pulizija li jirrapporta abbuż daqshekk irriskja li jittieħdu passi kontrih

Pulizija li jirrapporta pulizija ieħor li jkun qed jabbuża jew jixxaħħam mhux se jibqa’ jirriskja li jittieħdu passi kontrih.

Dan wara li fuq rakkomandazzjoni tal-GRECO saret bidla fil-liġi biex fi kliem il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, ikun hemm aktar trasparenza u kontabbiltà fil-korp tal-Pulizija.

Sat-13 ta’ Lulju li għadda jekk Pulizija jinqabad jagħmel rapport anonimu dwar abbużi interni, fosthom ta’ frodi jew korruzzjoni fil-korp stess, kien jirriskja li jiġi ddixxiplinat u jittieħdu passi kontrih stess.

Madankollu, b’avviż legali ppubblikat fl-14 ta’ Lulju, il-liġi dwar il-Pulizija ġiet emendata u kull uffiċjal tal-korp issa se jkun jista’ jirrapporta allegat abbużi mal-Kummissarju jew uffiċjal ieħor fil-korp mingħajr il-ħtieġa li jiżvela d-dettalji personali u mingħajr il-biża’ li jaffaċċja proċeduri dixxiplinari.

“Jeħtieġ illi persuna tħossha komda u jkollha l-għodda biżżejjed biex tagħmel rapport fil-konfront ta’ xi ħadd li qed jiżbalja sabiex tkun tista’ tittieħed azzjoni kontra dik il-persuna,” il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri.

Il-Ministru Camilleri qal li din kienet rakkomandazzjoni tal-GRECO u biha l-Gvern irid jiġġieled l-omertà fil-Korp tal-Pulizija u jdaħħal mentalità li l-abbużi mhux se jiġu ttollerati.

“Qed nagħtu sinjal b’saħħtu ħafna fejn nixtiequ nieħdu l-korp tal-Pulizija, korp tal-Pulizija li jkun aktar trasparenti, korp tal-pulizija li jkun aktar kontabbli, korp tal-pulizija li jkun aktar miftuħ u allura din hi waħda minn sensiela ta’ miżuri u deċiżjonijiet li se jkun hemm fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.”

Il-Ministru Camilleri qal li din hi l-ewwel bidla fil-politika tal-korp kontra l-frodi u l-korruzzjoni bil-għan li tissaħħaħ il-governanza tajba fil-Pulizija.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Mistoqsija dwar jekk trabi għandhomx jitlibbsu maskri, Prof Gauci qalet li tfal taħt 3 snin m’għandhomx jitlibbsu l-maskra għax din tista’ tkun ta’ periklu għalihom. Dan qalitu meta kienet qed…

COVID-19

Il-Partit Nazzjonalista qal li jinsab infurmat li l-kumpanija Gozo Channel għad m’għandhiex sistema adegwata biex tara li fuq il-vapuri u fit-terminals, il-passiġġieri josservaw il-miżuri ta’ prevenzjoni mill-COVID-19 li ħabbar il-Gvern…

Kultura

Minn issa ‘l quddiem waħda mill-isbaħ xeni tal-Port il-Kbir tista’ titgawda minn fuq il-bejt ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Belt. Dan hekk kif fi tmiem il-ġimgħa saret l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett…

COVID-19

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li minn meta daħal fis-seħħ l-avviż legali l-ġimgħa li għaddiet, diġà nħarġu ħames multi ta’ €3,000 ‘l waħda għal organizzaturi ta’ attivitajiet, restoranti…

Aktar