Lokali
AĠĠORNAT: Tnejn fil-Qorti dwar droga – wieħed mixli li ttraffikaha, l-ieħor li xtraha

Żewġ Somali, wieħed ta’ 46 sena u ieħor ta’ 33 sena, tressqu fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras wara li lbieraħ filgħaxija ġew arrestati fi Ġnien Spinola, f’San Ġiljan, mill-Pulizija tal-Komunitá ta’ San Ġiljan.

Huma ġew arrestati waqt li kienet qed issir ronda bil-pass madwar San Ġiljan. Il-pulizija nnutaw li l-irġiel kienu qegħdin jaġixxu b’mod suspettuż u wieħed minnhom deher jgħaddi baskett lil ieħor.

Għalhekk il-pulizija marru fuqhom, waqqfuhom u għamlu tfittxija fuqhom fejn irriżulta li fil-baskett kien hemm pakketti bid-droga suspettata kokaina u kannabis.

Nasir Aydiid Aabi, ta’ 46 sena, wieġeb mhux ħati li ttraffika d-droga f’San Giljan u baqa’ miżmum taħt l-arrest wara li d-difiza ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest.

Ahmed Qadar Abuukar, ta’ 33 sena, tressaq fuq l-istess każ fejn kien mixli li xtara d-droga mingħand Aabi. Huwa wieġeb mhux ħati u għalkemm saret talba għall-ħelsien tiegħu din ġiet miċħuda.

Skont id-difiża sa ftit taż-żmien ilu Abuukar, li ilu jgħix Malta aktar minn 10 snin, kellu impjieg bħala technician ma’ kumpanija ewlenija f’pajjizna imma spiċċa f’diffikultajiet finanzjarji wara li l-kumpanija naqqset in-nies.