Lokali
Pulizija Malti jifga fl-ikel wara maratona fl-Italja

Il-komunità tal-Pulizija tinsab ixxukkjata bil-mewt traġika ta’ Ryan Tonna, kuntistabbli ta’ 36 sena u missier ta’ tifel ta’ 5 snin.

Il-kuntistabbli Tonna, li kien jaħdem fl-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, kien jinsab f’Pisa, l-Italja, fejn ipparteċipa f’maratona tal-ġiri. Fuq il-midja soċjali, wara l-maratona Tonna esprima s-sodisfazzjon tiegħu li kien temm b’suċċess l-ewwel ‘half marathon’ tiegħu.

TVM infurmat li l-Kuntistabbli miet ftit tas-sigħat ilu waqt li kien qed jiekol f’restorant mal-kontiġent Malti, fejn x’aktarx faga f’biċċa laħam.

Dawk preżenti tawh l-ewwel għajnuna, fejn saħansitra ssejħu membri tas-soċjetà tas-Salib l-Aħmar li kienu faċċata tal-ħanut. Madanakollu l-isforzi biex isalvawh kienu għalxejn.

Kienu bosta dawk li esprimew sogħba għall-mewt ħabta u sabta tal-Kuntistabbli Tonna, fosthom il-fondazzjoni Blue Light, il-Malta Police Association, u l-Police Officers Union.