Politika
Qabel jitwettaq il-manifest elettorali kollu mhux se ssir elezzjoni ġenerali – Il-PM

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ddikjara li qabel jitwettaq il-manifest elettorali kollu l-pajjiż mhux se jmur għal elezzjoni ġenerali. Dr Abela qal li f’sena mimlija sfidi l-Gvern zamm mal-wegħdiet tiegħu li jmorru lil hinn mill-pandemija u fost l-oħrajn ħabbar li jekk ikun meħtieġ jiġi estiż is-suppliment tak-pagi għal wara Marzu.

Fl-ewwel attività politika tas-sena fil-Mellieħa, il-Prim Ministru u l-Mexxej Laburista Robert Abela tkellem dwar il-bidla kbira li seħħet fil-pajjiż matul l-aħħar sena. Dr Abela qal li t-tnax il-xahar li għaddew kienu wirja li dan il-Gvern iżomm kelmtu.

Qal li bħal dan iż-żmien sena, meta nħatar Prim Ministru, kien wiegħed fost l-oħrajn li jindirizza l-kwistjonijiet pertinenti tas-saltna tad-dritt u l-immigrazzjoni, u minkejja li Malta għaddiet minn pandemija il-Gvern wettaq riformi bla preċedent, u fosthom semma fil-korp tal-Pulizija. Qal li dawn il-bidliet, li wħud kienu ddeskrivew bħala impossibbli, mhux talli saru, talli ġew imfaħħra mill-aġenzija internazzjonali DBRS li lbieraħ iċċertifikat lil Malta bħala A high. Dr Abela qal dan iċ-ċertifikat ingħata mill-istess aġenzija li fl-aħħar żmien naqset ir-rating ta’ pajjiżi ġganti bħal Franza.

Il-Prim Ministru wiegħed aktar xogħol u xejjen diċeriji li l-pajjiż jaf jintalab jivvota f’elezzjoni ġenerali bikrija. Dr Abela saħaq li qabel jitwettaq il-manifest elettorali kollu tal-2017 mhux se tissejjaħ elezzjoni ġenerali.

Huwa qal li l-miżuri tal-gvern fl-eqqel tal-pandemija salvaw għexirien ta’ negozji u impjiegi. Dr Abela ma eskludiex li s-suppliment tal-pagi jiġi estiż anke wara Marzu u semma kif it-tieni rawnd tal-vawċers se joħorġ f’mument xieraq. Sostna li b’viżjoni ċara u mingħajr negattività l-pajjiż se jmur lura għan-normalità u se jkun qed juża l-pandemija bħala opportunità għal aktar bidla.

Rigward il-kwistjoni tal-ftuħ tal-iskejjel, il-Prim Ministru Abela qal li r-riżultat li l-iskejjel baqgħu miftuħin se jinħass fiż-żmien li ġej u tenna li sena mingħajr edukazzjoni kienet tfisser diżastru akkademiku għall-ġenerazzjoni sħiħa. Qal li huwa minn dejjem emmen fl-għalliema u l-edukaturi u radd ħajr għas-sagrifiċċji li għamlu f’sitwazzjonijiet diffiċli. Dr Abela rringrazzja lil dawk kollha li ħadmu biex min għada l-iskejjel jiftħu b’mod normali, fosthom lill-Monsinjur Arċisiqof Charles J Scicluna u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci. Wera ruħu grat għalll-edukaturi u l-għalliema li fil-jumejn tal-istrajk xorta marru fuq il-post tax-xogħol.

Il-Prim Ministru stqarr li din is-sena se tkun ferm aħjar mis-sena li għaddiet. Appella biex kulħadd jibqa’ josserva d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika ħalli meta tgħaddi l-pandemija Malta jkun pajjiż b’saħħtu, magħqud u minkejja ż-żminijiet diffiċli jemmen li l-futur ta’ pajjiżna se jkun sabiħ.