
In-neputija ta’ Ġorġ Agius, li miet jumejn ilu, se tħoss nuqqas kbir mingħajr zijuha wara snin iddur bih.
F’intervista ma’ TVM, Doris Sultana qalet li zijuha biddlilha ħajjitha, u esprimiet ix-xewqa li l-memorja tiegħu għandha tinżamm ħajja b’mafkar f’belt twelidu jew inkella fl-isptar.
Fir-raħal fejn twieled u fil-knisja fejn tant qatta’ ħin jitlob, illum ingħatat l-aħħar tislima lil Ġorġ Agius, l-għannej tal-Mulej. Għal aktar minn ħamsin sena Ġorġ qatta’ ħajtu jippriedka l-kelma t’Alla u permezz tat-taqbiliet, iwassal messaġġi ta’ fidi u ta’ kif għandna nħobbu lil xulxin.
Doris Sultana, b’qalbha maqsuma bħal donnha ma tridx temmen li mhux se żżur iktar lil zijuha li tant kienet tħobb. “L-aħħar li għamel idejh ma’ xulxin u tani bewsa, l-aħħar bewsa li tani minn San Vincenz tmint ijiem ilu.”
Doris tiddeskrivi l-mumenti li kienet tqatta’ ma’ zijuha. “Biddililna ħajjitna,meta konna nitilgħu narawh jien u r-raġel kienet taqa’ paċi kbira fina u noħorġu ferħanin minn hemm ġew.”
Qabel ma tliet snin ilu daħal jgħix fir-residenza San Vincenz de Paule, Ġorġ qatta’ ħajtu mat-tliet ħutu, fosthom oħtu Ġuża li kienet tieħu ħsiebu b’għożża kbira.
Ġorġ, li kien magħruf ukoll bħala Tal-Mużew, dejjem baqa’ b’dak l-ispirtu pront iqabbel xi versi biex jagħmel kuraġġ lil kull min kien jiltaqa’ miegħu.
In-neputija ta’ Ġorġ qalet li tixtieq li zijuha jibqa’ mfakkar b’monument f’Mater Dei jew fil-Birgu.
Ara wkoll: