Kurżitajiet
Qabżu fil-funtana biex jagħmlu tellieqa u sabu l-Pulizija ma wiċċhom

Koppja Amerikana ta’ madwar 50 sena qabżu fil-Fontana di Trevi daqs li kieku se jagħmlu xi tellieqa tal-għawm sinkronizzat f’dan il-monument ikoniku fil-kapitali Ruma, fl-Italja, u spiċċaw pattew qares.

Minnufih huma sabu l-Pulizija ma’ wiċċhom li kienu pronti marru biex joħorġuhom mill-ilma u spiċċaw kellhom iħallsu multa ta’ €900.

Ftit qabel ma seħħ dan l-inċident, il-Pulizija kienu għadhom kif immultaw turist ieħor Russu ta’ 40 sena, filwaqt li matul il-lejl, minkejja l-kontrolli stretti u s-sorveljanza fiż-żona, għamlet l-istess ħaġa turista Eġizzjana ta’ 29 sena li weħlet ukoll multa ta’ €450.

Fil-jiem li għaddew seħħ każ ieħor, ta’ tifel Spanjol ta’ 12-il sena, li kien sfurzat joħorġ mill-funtana monumentali, wara li t-tliet ħutu bdew jisfidawh jaqbeż fiha.  Il-Pulizija fittxew lill-ġenituri tat-tifel, li ħallew lit-tfal ftit waħidhom sakemm marru jixtru fiċ-ċentru, u mmultawhom ukoll għall-aġir tat-tifel.

Kien hemm anke turista Amerikana ta’ 68 sena li poġġiet saqajha fil-funtana li tinsab fl-hekk imsejjaħ Altare della Patria jew Il Vittoriano biex tiffriskahom u spiċċat weħlet ukoll multa ta’ €450.  U għadha għaddejja t-tfittxija għal koppja żagħżugħa, aktarx Ingliżi, li niżlu jgħumu għarwenin fl-istess funtana.

Jidher li Ruma, kalamità għal miljuni ta’ turisti, qed tara l-funtani tagħha jattiraw lill-barranin għal xi sfida jew ġennata ta’ darba.  Li ma jkunux jafu hu li dawn huma monumenti storiċi u min jinqabad fihom ikun qed jikser il-liġi u jirriskja li jeħel multa ta’ €450.