Lokali
Qaħba Jien? – X’effett iħalli t-tseksik fuq il-persuna?

“Qaħba Jien?” huwa monologu li l-attriċi Sarah Camilleri se tinterpreta fil-jiem li ġejjin. Il-monologu joħroġ fid-deher l-effetti li jħallu fuq il-persuna l-ilsna jtaqtqu bl-addoċċ.

L-istorja f’dan il-monologu, mill-pinna ta’ Joe Julian Farrugia,  tirrakonta t-tlugħ u l-inżul, li tgħaddi minnu mara, li tispiċċa waħedha u tibda tiġi f’dubju jekk il-ħajja tagħha għadx għandha skop jew le.

Joe Julian Farrugia qal li “naraw b’mod partikolari għal xiex in-nies jibdew jgħajruha b’tali mod. Hi kif teħodha. Ir-raġel kif iħares lejn mara mqar għaddejja fi triq. Għaliex il-mara għaddejja bil-ħajja tagħha u ċerti rġiel iħarsu lejha b’intenzjoni differenti u hi mbagħad x’taħseb li l-irġiel qed jaħsbu fuqha? Id-dubji jkunu tul ħajjitha kollha”.

Mario Micallef, li hu stess ħadem diversi monologi qed jidderiġi lil Sarah Camilleri, l-attriċi f’dan il-monologu.

“In-nies naturalment se jaraw attriċi waħda u t-tentazzjoni hi li jekk ma jkunx hemm direzzjoni tajba, script tajjeb u attriċi tajba jista’ jagħti l-każ li l-monologu jkun monotonu għax qed jiġi rrakkuntat minn attriċi/attur wieħed mentri dan il-każ hu differenti għaliex tajtha x’tagħmel mhux ħażin” qal Micallef.

Min-naħa tagħha, l-attriċi, Sarah Camilleri tistqarr li ma kienx faċli biex tidħol f’ dan il-karattru. L-attiriċi tgħid li ħafna drabi l-kelma qaħba tintuża qisu xejn mhux xejn b’min jużaha lanqas ikun konxju tal-effett li tista’ tħalli.

Sarah Camilleri qalet li “għalik forsi ma tagħtix kas hija kelma li tidhra tgħid mentri meta taqlagħha ġo fik jew xi ħadd fil-familja ommok pereżempju mhux sabiħa”.

Qaħba Jien? fit-teatru tal-Kavallier ta’ San Ġakbu ser issir bejn it-3 u l-5 ta’ Novembru.