Qorti
Qajmet kjass wara li l-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest

Mumenti ta’ kommossjoni fil-Qorti meta mara mill-Għarabja Sawdija li għandha karta tal-identità Maltija rreaġġixxiet b’mod isteriku għad-deċiżjoni tal-Qorti li ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li ma pprovdietx indirizz alternattiv fejn setgħat tmur tgħix sakemm tinstema’ ix-xhieda kontriha.

Mona Ibrahim Mahmoud ta’ 36 sena u tgħix il-Marsa f’residenza li tuża wkoll bħala ħanut tal-ikel u x-xorb, kienet akkużata li  ħebbet kontra l-ġara, Wilidana Cassar, u hedditha b’sikkina li se tuża l-vjolenza kontriha jew kontra l-proprjetà u l-qraba tagħha.

Il-prosekuzzjoni li tmexxiet mill-Ispettur Matthew Galea oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest tal-imputata minħabba li l-argument aggressiv seħħ f’post li  m’huwiex liċenzjat u qed iservi bħala r-residenza temporanzja tagħha.

Għall-diversi drabi, l-akkużata b’ton aġitat qalet li kellha tagħalaq li l-ħanut tagħha minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid. Qalet li l-ġirien kienu jagħmluha ħajjitha diffiċli u jgħajjruha bit-tfal li qalet ilha ma tara għal dawn l-aħħar 11-il sena.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech staqsietha diversi drabi jekk kelliex xi post alternattiv fejn setgħat tmur tgħix sakemm tinstema’ x-xheda fil-Qorti. L-akkużata wieġbet li setgħat tieħu l-affarijiet personali tagħha għand ir-raġel tagħha li huwa Libyan u m’għadiex tgħix miegħu, u tgħix f’residenza oħra fil-Ħamrun.

Hija madankollu ma pprovdiex l-indirizz u l-Maġistrat ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li qalet li ma kienetx konvinta li setgħet tgħix f’post sigur.

Waqt li nħarġet barra mill-awla instema għajjat, bil-kommozzjoni twassal biex il-Maġistrat tiġbed l-attenzjoni tad-direttur tal-faċilità korrettiva ta’ Kordin biex jittieħdu l-miżuri kollha sabiex ikunu assigurati s-saħħa u s-sigurta’ tal-imputata.