Barranin
“Qalbi maqsuma għall-familja ta’ Hutchins” – Alec Baldwin

L-attur Amerikan Alec Baldwin stqarr li jinsab taħt xokk u huwa ddispjaċut immens dwar l-inċident traġiku li seħħ fuq is-sett fi New Mexico li sewa l-ħajja ta’ Halyana Hutchins.

F’kitba fuq Twitter, Baldwin tkellem għall-ewwel darba fil-pubbliku wara li ġiet rappurtata l-mewt ta’ Hutchins. Qal, li Hutchins, li kienet omm u mara miżżewġa, kienet kollega rispettata ġmielu.

Baldwin stqarr li qed jikkoopera mal-pulizija dwar l-investigazzjoni tal-każ, bil-għan li jiġi stabbilit kif seħħet din it-traġedja.

Fi tweet separat, huwa żied jgħid li jinsab f’kuntatt mar-raġel ta’ Hutchins u qed joffri s-sapport kollu tiegħu lill-qraba tal-vittma. Qal, li għandu qalbu maqsuma.

Halyna Hutchins, li kellha 42 sena, kienet tipprometti immens fid-dinja taċ-ċinema. Tant, li fl-2019, isimha tnaqqax fir-rapport annwali Amerikan ‘Rising Stars of Cinematography’.

Hutchins, imwielda l-Ukrajna, qattgħet bosta ħin f’bażi militari Sovjetika meta kienet għadha fil-fjur ta’ żgħożitha. Hija gradwat fil-ġurnaliżmu internazzjonali mill-Università ta’ Kyiv u rħitilha lejn Los Angeles. Fl-Istati Uniti, hija ħadmet fost l-oħrajn bħala ġurnalista investigattiva f’dokumentarji Ingliżi u aktar tard qorbot lejn id-dinja taċ-ċinema. Ħadmet, fi produzzjonijiet ta’ stoffa bħal ‘Archenemy’ u ‘Blindfire’.

Aktar kmieni, il-pulizija fl-istat Amerikan fejn seħħ l-inċident qalet li l-arma li kien qed juża Baldwin ħadet waqt il-ġbid tal-western ambjentat fis-seklu 19, ‘Rust’. Hutchins, li kienet qed taħdem bħala direttur tal-fotografija, ittieħdet l-isptar u mietet ftit wara. Il-pulizija qed tinvestiga dan l-inċident u s’issa ma tressqu l-ebda akkużi kontra Baldwin.