Lokali
Qalilha “she’s all right” meta l-mara kienet diġà mejta – ġara

Awtopsja kkonkludiet li ma kien hemm ebda sinjali ta’ vjolenza fuq il-katavru ta’ Janet Harvey, l-anzjana Ingliża li nstabet mejta f’residenza f’San Pawl il-Baħar. Hu maħsub li l-anzjana kienet ilha mejta madwar tliet xhur. Waqt li l-investigaturi fil-każ jidher li huma konvinti li dan mhux każ ta’ omiċidju, għadha misterjuża r-raġuni għalxiex ir-raġel ħalla lil martu mejta fid-dar fejn kien jgħix. Ġara li tkellmet ma’ TVM qalet li sa tliet ġimgħat ilu, ir-raġel tal-anzjana qalilha li martu kienet tajba meta fil-fatt kienet mejta.

“Dejjem flimkien, hi u r-raġel dejjem flimkien kienu joħorġu. Naf li jmorru jixorbu imma dejjem flimkien anki jidħlu. Xi tliet xhur ilu, kien ilni ma naraha u nfatti lill-ħabiba tiegħi għedtilha li kien ilni ma naraha ftit, qaltli veru ilna ma narawha. Lilu staqsejtu xi tliet ġimgħat ilu, xahar, għedtlu ‘how is she?’ Qalli she’s all right u kienet diġà mejta.”

Joan Gauci hi waħda mill-ġirien tal-koppja Harvey fi Triq San Luqa f’San Pawl il-Baħar. Għandha ħanut faċċata tar-residenza tal-koppja. Joan u ġirien oħra stqarrew id-dispjaċir tagħhom għall-mewt ta’ Janet li ddeskrivewha bħala mara dħulija. Qalu li l-koppja kienet ilha toqgħod hemmhekk xi għaxar snin, b’Janet li kellha 69 sena, tirċievi pensjoni mill-Ingilterra wara karriera fl-edukazzjoni u rtirat bħala kap ta’ skola. Ma’ TVM l-ġirien qalu li fl-aħħar ġimgħat qatt ma xammew xi rwejjaħ partikulari. Żiedu jgħidu iżda li l-bibien u t-twieqi tar-residenza tal-koppja kienu magħluqa.

It-Tnejn filgħaxija, il-Pulizija sabu lill-mara mejta f’darha wara li uffiċjal tal-Kummissjoni Ingliża f’Malta talabhom jivverifikaw dwarha. Hu mifhum li qraba tagħha fl-Ingilterra għamlu kuntatt mal-Kummissjoni Għolja għax kienu mħassba li żewġha kien jgħidilhom li tinsab tajba iżda kien ilhom ma jisimgħu leħinha. Il-Pulizija daħlu fl-appartament minn tieqa, bl-għajnuna ta’ membri tad-dipartiment tal-protezzjoni ċivili. Lil żewġha, Russell Harvey, il-pulizija sabuh aktar tard f’ħanut tax-xorb qrib l-appartament. Sorsi qalu li l-katavru kien fuq sodda tal-wieħed mgħotti bil-kutri. Żewġha kien jorqod fis-sular ta’ fuq tar-residenza.

Fid-dar kien hemm sitt qtates li għaddejjin sforzi biex tinstabilhom dar alternattiva. Fid-dar apparti r-riħa qawwija tinten, ġie nnutat ħmieġ u nuqqasijiet ta’ sanità.

Sorsi qalu li ġie stabbilit li f’Novembru Janet kellha appuntament mediku l-Isptar Mater Dei iżda m’attendietx. L-istess sorsi qalu li żewġha kkollabora mal-Pulizija u ndikalhom li martu mietet f’Novembru. L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejin.

Ara wkoll:

BIL-FILMAT: Tinstab mejta f’darha wara 3 xhur

Aħbarijiet Oħra
Storja

Magna ta’ ajruplan tal-gwerra, li possibilment iġġarraf fit-Tieni Gwerra Dinija, kienet irkurprata minn qiegħ il-baħar fil-bokka tal-Port il-Kbir wara ħidma konġunta bejn l-Università ta’ Malta, Heritage Malta u l-Forzi Armati….

Teknoloġija

Wara l-ajruplani, issa anke l-vetturi bdew jiġu jiġu mgħammra b’kaxxa sewda, li normalment tkun f’nofs il-vettura. Għalkemm s’issa din mhijiex obbligatorja, aktar manifatturi tal-karozzi qed jinkluduha. Fost aktar miżuri biex…

Infrastruttura

Waħda mill-kawżi ewlenin ta’ ħruġ ta’ drenaġġ fit-triq u fil-baħar ġejja minn katusi tal-ilma tax-xita li qed jitqabbdu direttament mas-sistema tad-drenaġġ. Jirriżulta li ħafna ma jafux li dan hu l-każ…

NGOs

Seba’ għaqdiet mhux governattivi Maltin se jwettqu tmien proġetti fl-Afrika bl-għajnuna ta’ madwar nofs miljun ewro mill-programm tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Il-proġetti jvarjaw minn skola ġdida għall-bniet f’żona rurali…

Aktar