Kurżitajiet
Qassis Taljan iwiegħed li jagħti lura l-flus tal-offerti li bihom xtara d-droga

Is-saċerdot ta’ 40 sena li kien arrestat fl-Italja wara li xtara droga bil-flus tal-offerti wiegħed li jirritorna l-flus.

Dun Francesco Spagnesi qed jiġi akkużat bi traffikar u importazzjoni ta’ kokaina u tad-droga magħrufa bħala Gbl.

Il-Pulizija Taljana temmen li d-droga kienet tintuża f’festini kkaratterizzati minn attivitajiet sesswali.

Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li s-saċerdot għadda d-droga lil Alessio Regina, raġel ta’ 40 sena.

Regina nqabad u ġie arrestat fl-aħħar ta’ Awwissu fuq importazzjoni ta’ droga mill-Olanda.

Permezz tal-avukati tiegħu Dun Spagnesi ammetta li d-droga ġieglitu jittradixxi lill-parruċċani u ddeskriva dak li għamel bħala tal-mistħija.

“Se nirritorna l-flus li ħadt lill-Knisja u lill-parruċċani. Kulħadd se jieħu flus lura. Se nbiegħ dak li għandi nkluż id-dar fuq muntanja. Nitlob skuża lil kulħadd”.