Lokali
Qatt doqt il-ġamm ħelu li jsir mill-isfarġel

L-isfarġel – frotta indiġena b’togħma morra li iżda minnha jsir ġamm mill-aktar ħelu.

Għal xi żmien din il-frotta kienet ħadet daqqa lura u kważi bdiet tgħib mill-kampanja Maltija. Iżda l-isforzi ta’ Pawlu Abela minn Ħad Dingli, fost l-oħrajn, reġgħu tawha ftit tan-nifs.

Fil-kontrada magħrufa bħala Tal-Ħawlija, fl-inħawi tas-Salib, iltqajna ma’ Pawlu Abela – bniedem tekniku u li għamel karriera jaħdem qalb il-wires u l-cables tar-radjijet u t-televiżjoni.

Pawlu, iżda dejjem kellu n-namra tar-raba’ u fl-egħlieqi fil-limiti tar-Rabat, irnexxielu jerġa’ jagħti l-ħajja lil frotta indiġena magħrufa bħala l-isfarġel – bl-Ingliż Quince.

Pawlu għandu mat-80 siġra. Ilu jkabbarhom sitt snin u jsaqqihom b’madwar 3,500 litru ilma fis-sena. Fl-imgħoddi din is-siġra kienet ixettel kullimkien u l-frott kien jimla’ l-kannestri, iżda llum naqset sew.

“Siġar inqerdu biż-żmien. U Malta peress li trid ħafna xogħol biex tieħu ħsiebha qisu kulħadd beda jaqta’ qalbu minnha. U biż-żmien kien hawn ħafna dud u qerditha” qal Pawlu.

Pawlu żied jgħid li “l-isfarġel ġejja mill-familja tat-tuffieħ u l-lanġas, iżda nejja ma tittikilx għax morra. L-ideali li tissajjar.  Tajba ħafna biex minnha jsir ġamm mill-aktar ħelu. Tisserva bħala kontorn mal-laħam abjad, speċjalment mal-majjal. Anki diżerta tista’ tagħmel biha”.

L-antiki jgħidu li l-isfarġell għandu wkoll propjetajiet mediċinali. Itaffi l-uġigħ speċjalment tal-period .

Iżda x’fettillu Pawlu jinvesti ħinu u artu f’din il-frotta ? Pawlu jgħid li għal żewġ raġunijiet, waħda għax iħobbha bħala frotta u jħobb il-ġamm eċellenti tagħha u t-tieni biex jerġa’ jintroduċi s-sistema.

Pawlu jistma li kull siġra ttih madwar 12-il kilogramma sfarġell fis-sena. U vażett ġamm jagħmlu b’4 jew 5 frottiet.

 

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Filmat esklussiv li qed ixandar tvm.com.mt juri s-sekwenza kollha ta’ mara li allegat li sar attentat biex jaħtfu lil binha li kien fil-pushchair f’ħanut f’Birżebbugia. Fil-filmat jidher li din l-omm…

Lokali

Xahrejn wara li seħħet serqa mill-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid, il-lejl li għadda, l-istess knisja kienet fil-mira ta’ ħalliel. Iżda din id-darba, grazzi għall-intervent tal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit,…

Lokali

Il-Partit Laburista permezz tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u d-deputat Glen Bedingfield immarkaw il-fatt li fil-Parlament ilbieraħ kien hemm disa’ deputati tal-Oppożizzjoni fosthom seba’ tal-Partit Nazzjonalista li ma appoggjawx il-mozzjoni…

Aktar