Qatt indunajt li hawn prodotti Maltin li ma huma Maltin xejn?

Waqt il-programm ‘Popolin’ ġie diskuss il-prodott Malti u l-ġenwinità tiegħu. Sfortunatament is-suq Malti qiegħed jiġi miżgħud b’ħafna prodotti li jidhru prodotti Maltin biss fil-verità ikunu magħmulin f’pajjiżi oħra bħaċ-Ċina u l-Eġittu. Għalhekk tqum il-mistoqsija; l-artiġjani, il-bdiewa u l-prodotti Maltin, qegħdin jiġu mħarsa?

Fost diversi prodotti li jidhru Maltin biss li fil-verità mhumiex manifatturati Malta insibu prodotti tal-ikel, prodotti agrikoli, prodotti artiġġjanali bħall-bizzilla u diversi tipi ta’ souvenirs. L-introduzzjoni ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fl-2004, ġabet magħha diversi sfidi għal-artiġjani Maltin dan għaliex ħafna prodotti li qabel kienu jsiru Malta, bdew jiġu importati minn barra minn xtutna. Iktar minn hekk, il-konsumaturi qegħdin jiġu żgwidati billi prodotti li jkun magħmulin barra, jkollhom indikat fuqhom is-salib ta’ Malta jew xi kliem bil-Malti li jġiegħel il-konsumatur jaħseb li l-prodott ikun Malti, awtentiku u ġenwin.

Fil-mument Malta ma għandha l-ebda prodotti tal-ikel imniżżla fil-lista tal-Unjoni Ewropea li tipproteġi l-ismijiet speċifiċi ta’ prodotti li jkunu ġejjien minn reġjun jew żona partikolari fl-Ewropa.

Id-Direttur tal-Kummerċ Godwin Warr, Spjega li sakemm prodott ikun magħmul kif suppost u jkollu ndikat fejn ġie manifatturat, ma jkollna l-ebda dritt inwaqqfu l-importazzjoni tiegħu. Żied jgħid li hija r-responsabbiltà tal-konsumatur u tat-turist li jistaqsi u jaċċerta ruħu li l-prodott u ġenwinament Malti. “Żgur li m’għandniex nittolleraw li xi ħadd jinganna lil ħaddieħor, għalhekk hemm il-liġi tal-konsumatur”.

Warr spjega li bħala dipartiment qegħdin jaħdmu flimkien mal-artiġjani Maltin biex jiġu mqassma tikketti li juru l-QR-code tal-artiġjani. Permezz ta’ dan il-kodiċi wieħed jista’ jaċċessa d-dettalji kollha kemm tal-prodotti kif ukoll tal-artiġjani u x-xogħol li joffru.

Għalhekk qabel tixtri xi prodott ta’ bixra Maltija dawwar il-pakkett jew il-prodott u ikkonferma li l-veru hu Malti.