Stejjer Umani
Qatt ma bassret li s-sinjali li kien juri binha kienu ser iwasslu biex ineħħi ħajtu

Omm irrakuntat b’diqa kbira kif tilfet lil binha li miet b’suwiċidju waqt li saħqet dwar l-importanza tal-għajnuna professjonali f’każi fejn ikun hemm kriżijiet personali li jistgħu jwasslu għal ġrajjiet traġiċi. L-omm qasmet l-esperjenza tagħha fil-programm Dissett li ma professjonisti fil-qasam tal-psikjatrija ddiskuta r-rata ta’ suwiċidji, li għalkemm rari jissemmew, qed jiġru bir-rata ta’ bejn tnejn u tlieta fix-xahar.

B’medja ta’ aktar minn żewġ każi ta’ persuni li jmutu b’suwiċidju kull xahar, l-assoċjazzjoni tal-psikjatri Maltin qed tħeġġeġ biex il-problema tas-suwiċidji ma tkomplix tintefa’ taħt it-tapit.

Omm li tilfet lil binha, fetħet qalbha fil-programm Dissett u stqarret li qatt ma bassret li s-sinjali li kien qiegħed juriha binha kienu ser iwasslu biex ineħħi ħajtu.

“Kont nitla’ fuq fil-kamra, insibu hekk, saqajh ma’ geddumu, bil-hood ġo rasu, u x’ħin narah, li jrid jiekol, joqgħod fid-dlam. X’għandek? Xejn xejn. Nibdew b’xejn u b’xejn nispiċċaw. Imbagħad kont nitlaq u, ngħid ma rridx indejqu.”

lI-konsulent psikjatrika Dr Ethel Felice qalet li “l-fatt li din tkellmet fuq xi ħaġa tant intima, li hi minn xiex għaddiet din tibda tnaqqas l-istgima li hemm madwar dan is-suġġett.”

Waqt il-programm Dissett, Dr Ethel Felice u Dr Aloisia Camilleri spjegaw li d-dipressjoni u ċerti sintomi ma jistgħux jiġu injorati filwaqt li Daniela Calleja Bitar, mill-Fondazzjoni Richmond ħeġġet biex persuni li jkollhom ħsieb ta’ suwiċidju jiġu affrontati direttament.

“Tista’ ssaqsihom point blank, għandek f’moħħok li toqtol lilek innifsek, tgħidha hekk, in-nies meta jisimgħu dik il-kelma, iħossuhom aħajr għax jibdew jgħidu hemm xi ħadd qed jifhimni lili.”

Dr Camillieri qalet li hemm bosta servizzi fejn wieħed jista’ jfittex l-għajnuna, li mhix biss permezz tal-pilloli.

“Jekk din il-persuna tant timmaġina li hija problema kbira u ma tarax soluzzjoni, titlef dik l-opportunità li ssib triq oħra.”

Il-psikjatri qalu li huwa essenzjali li f’dawn il-kriżijiet personali li jimmanifestaw ruħhom b’diversi modi l-persuni invouti u dawk qrib tagħhom jaraw li jingħata t-trattament meħtieġ. Saħaq dan ukoll il-Kummissarju tas-Saħħa mentali, John Cachia.

“U dan japplika għal familja mill-aktar viċin, għall-kollegi fuq il-post tax-xogħol, għall-ħbieb u għaċ-ċrieki tal-familja u fis-soċjetà li jgħinu persuna tħossha milqugħa u mifhuma minkejja d-diffikultajiet li għadna.”

Persuni li jħossu li għandhom bżonn jitkellmu dwar is-sitwazzjoni li jinsabu fiha, huma jew ta’ madwarhom, jistghu jikkuntatjaw lis-support line 179, fejn jitkellmu ma’ professjonisti li jassiguraw kunfidenzjalità assoluta.

 

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

Studju internazzjonali wera li l-każi li l-kanċer tal-għonq tal-utru qegħdin jonqsu drastikament tant li hu maħsub li din il-marda tista’ tiġi eradikata. Dan huwa grazzi għat-tilqima li tingħata lit-tfajliet kontra…

Tfal

Skont l-aġenzija appoġġ, madwar mitt tifel u tifla ngħataw għall-kura għand foster carers wara talba mill-ġenituri tagħhom stess minħabba li spiċċaw f’diffikultajiet fosthom mard serju jew spiċċaw bla saqaf fuq…

Edukazzjoni

L-edukazzjoni ma tieqafx mal-età obbligatorja! Id-Direttorat tat-Tagħlim Tul il-Ħajja beda jilqa’ applikazzjonijiet mingħand adulti li fis-sena skolastika li jmiss jistgħu jsegwu xi wieħed minn 450 kors, kemm f’oqsma akkademiċi kif…

Kronaka

Il-Pulizija jidher li tinsab viċin li ssolvi omiċidju li jmur lura ħdax-il sena. Il-każ jitratta tfajla li ilha rappurtata nieqsa mill-2008 u minn investigazzjonijiet li saru fl-aħħar jiem irriżulta li…

Aktar