Lokali
“Qatt ma tista’ ssolvi l-kwistjoni tad-dinjità tal-mara billi tagħżel il-qtil ta’ ħajja innoċenti”

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-omm hija għażiża għax hija tempju tal-ħajja u mhux tal-mewt.

Waqt quddiesa li ċċelebra flimkien mal-erba’ saċerdoti l-ġodda, fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa, fil-festa tal-Madonna ta’ Fatima, l-Arċisqof Mons. Scicluna qal li aħna lkoll nixtiequ nimxu ’l quddiem imma qatt ma tista’ ssolvi l-kwistjoni tad-dinjità tal-mara u tad-drittijiet fundamentali billi bħala prezz tagħżel il-qtil ta’ ħajja innoċenti.

Osserva li llum niftaħru li min jaħqar annimal jeħel piena proporzjonata u qawwija u qal li dan huwa progress. Staqsa “ma taħsbux li jekk nagħżlu li tarbija tista’ toqtolha fil-ġuf inkunu għamilna pass lura u mhux ’il quddiem?”

Huwa appella għat-talb biex il-ġuf tal-mara, tal-omm, ma jkunx post ta’ qtil imma post ta’ ħajja. Qal li l-Knisja hi viċin tan-nisa u ommijiet li għaddejjin minn żminijiet diffiċli, inkluż dawk li qed jistennew tarbija. Qal li l-għażliet tagħna għandhom ikunu dejjem ikunu favur il-ħajja tal-omm u tal-wild tagħha.

Mons. Arċisqof talab sabiex il-poplu Malti u Għawdxi jibqa’ jkollu mħabba kbira lejn il-ħajja tal-bniedem u sabiex il-persuni li għandhom is-setgħa fil-pajjiż jużawha għall-ġid tas-soċjetà.