Qatt ma tkellimt dwar flus ma’ Silvio Zammit – John Dalli

L-eks Kummissarju John Dalli xehed fil-Qorti li hu qatt ma ddiskuta flus jew l-isnus ma’ Silvio Zammit minkejja li jafu meta kienu attivisti fil-Partit Nazzjonalista. John Dalli illum kien ix-xhud tal-prosekuzzjoni fil-każ kontra Silvio Zammit li fih l-eks Kummissarju Ewropew talab lill-eks Kummissarju John Rizzo jgħid min għamillu l-pressjoni mill-Parlament biex jipproċedi kontrih fil-Qorti.

L-eks Kummissarju Ewropew John Dalli ċaħad bil-qawwa kollha li hu qatt tkellem dwar xi flus jew l-isnus ma’ Silvio Zammit. Is-Sur Dalli, xehed fit-tul waqt il-kumpilazzjoni tal-każ kontra Silvio Zammit, akkużat bi frodi u li pprova jinfluwenza deċizjoni tal-Kummissjoni Ewropeja dwar id-direttiva tat-tabakk.

Quddiem il-Maġistrat Anthony Vella, is-Sur Dalli qal li hu komdu ħafna jixhed u jwieġeb għall-mistoqsijiet. F’xhieda ta’ siegħa u nofs, spikkat it-tweġiba għal dak li qal l-eks kummissarju tal-pulizija John Rizzo li ried iressaq lil Dalli l-Qorti. Is-Sur Dalli qal li waqt l-interrogatorju, Rizzo kontinwament għajjat u tpastas f’wiċċu għax ried bilfors jisma’ mingħandu dak li ried hu.

Is-Sur Dalli qal ukoll li John Rizzo kellmu b’kunfidenza li qatt ma kellhom bejniethom. John Dalli insista li hu qatt ma ddiskuta flus ma’ Silvio Zammit u l-eks Kummissarju Rizzo seta’ jtellgħu il-Qorti iżda qatt m’għamilha. John Dalli qal li l-eks Kummissarju ibbaża l-investigazzjoni tiegħu fuq gidba tal-OLAF li hu kellu laqgħa ma’ Gayle Kimberley u Silvio Zammit dwar l-isnus, liema laqgħa rriżulta li qatt ma saret.

Qal li Rizzo ried imexxi kontrih biex jaqdi lil min kien qed jgħamillu pressjoni, kif stqarr hu stess fil-Qorti. Is-sur Dalli qal li l-eks Kummissarju għandu jgħid min għamillu l-pressjoni, għaliex, meta saret u jekk kinetx fil-ħin meta waqa’ l-Gvern fl-10 ta’ Dicembru 2012.

Għall-mistoqsijiet tad-difiża mmexxija mill-avukat Edward Gatt, John Dalli qal li qabel dan il-każ, huwa kemm il-darba għamel rapporti lil John Rizzo fuq blogs defamaorji kontrih. Is-sur Dalli qal li Rizzo qatt ma ħa azzjoni.

Żied jgħid anke meta saret kwerela dwar kommunikazjonijiet li kienu qed isiru minn nies li setgħu ġew identifikati u li kienu qed jikkonfoffaw biex isostnu dawn il-blogs, John Rizzo mhux biss m’għamel xejn, iżda ċempel lill-avukat tiegħu biex jgħidlu u kkwota “taħseb li jien se mmur ninvestiga il-computers tal-OPM?”

Fix-xhieda John Dalli tenna li l-każ kollu huwa frodi kontrih. Huwa qal lill-Qorti li l-President tal-Kummissjoni Ewropeja Jose Manoel Barroso u uffiċjali oħra tal-Kummissjoni kienu kontra d-direttiva tat-tabakk.

Il-kumpilazzjoni se tkompli f’Mejju.