Waqt il-Kafé
Qatt sibt kappell jiġik?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Kull meta jkun hemm xi seduta mhix tas-soltu fil-Parlament, bħal ngħidu aħna l-ftuħ tal-Parlament jew xi żjara statali f’pajjiżna, tinnota li l-Membri Parlamentari femminili jilbsu l-kappell.

Ma nafx għala imma n-nisa biss jilbsu kappell f’okkażjonijiet bħal dawn. U kultant imnalla ma jilbsuhx l-irġiel ukoll għax ikunu qishom cowboys. U cowboys mhux posthom fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, għalkemm kultant ikun hemm min ifakkarni f’xi western.

Imma l-kappell  ma kienx ivvintat għall-Parlament. Jingħad li l-ewwel prova li kien jeżisti kappell fl-istorja toħodna lura lejn żmien l-Eġizzjani, xi tlett elef sena qabel Kristu.

Tpinġija ma’ qabar ta’ dak iż-żmien turi raġel bi speċi ta’ għata fuq rasu magħmula mit-tiben. Huwa mifhum li l-irġiel tal-klassi għolja Eġizzjana f’dik l-epoka kienu jqaxxru rashom u jilbsu kappell tat-tibna biex iżommhom friski. Anki fil-Mesopotamja kienu jilbsu kappell qisu vażun rasu ’l isfel.

Minn dak iż-żmien il-kappell serva użi diversi. Issib kpiepel magħmulin apposta għas-sigurtà bħalma huma dawk li “suppost” jintużaw fil-kostruzzjoni. Hemm oħrajn maħluqa kontra r-raġġi tax-xemx. Tal-irġiel ikunu l-aktar tat-tibna u tan-nisa jkunu bojod jew ikkuluriti. Fil-Messiku jużaw is-sombrero u mhux rasek biss jgħattilek mix-xemx, imma kważi kollok kemm int.

Issib kpiepel marbutin ma’ xi żmien partikolari bħalma huma l-Easter Bonnets jew il-kappell ta’ Father Christmas. Anki f’St Patrick jużaw kappell marbut ma’ birra partikolari.

Issib kpiepel li jintużaw bħala parti minn uniformi bħalma huma l-kappell tal-koki, magħmul biex ma jaqax xagħar fl-ikel, il-kpiepel jew brieret tas-suldati u pulizija u saħansitra muzzetta jew il-mitra tal-Isqof.

Bil-Malti l-kappell jidħol f’diversi frażijiet li nużaw. Jekk bniedem taqdih skont ir-riżorsi tiegħek, ngħidu li “Sellimtlu bil-kappell tiegħi.” Jekk bniedem ħaqqu prosit kbira ngħidu li “Ninżagħlu l-kappell.” Imma jekk xi ħadd, wara li xeba’ jqarraq bin-nies, fl-aħħar jieħu dak li ħaqqu ngħidu li “Sab kappell jiġih.”

Hawn ħafna li sabu kappell jiġihom… u forsi oħrajn li għadhom qed jistennew wieħed.

Aħbarijiet Oħra
Għawdex

F’Għawdex tnieda servizz ta’ emerġenza ġdid għall-pubbliku li se jopera wara l-ħinijiet tal-uffiċċju, fi tmiem il-ġimgħa kif ukoll fil-btajjel pubbliċi. Dan is-servizz, li beda fuq inizjattiva tal-fergħa Għawdxija tal-Fondazzjoni għal…

Annimali

F’dan iż-żmien tas-sena ħafna jsibu ħin biex jagħmlu atti ta’ imħabba jew solidarjetà mal-oħrajn. Artista Franċiża li tgħix Malta ddeċidiet li ttella’ wirja b’pitturi biex bil-flus li tiġbor mill-bejgħ tagħhom,…

Mużika

Il-kunċert tal-President għas-Sena l-Ġdida se jżomm mat-tradizzjoni u jsir fl-Epifanija fis-6 ta’ Jannar f’Dar il-Mediterran għall-konferenzi l-Belt. Il-kunċert b’kollaborazzjoni ma’ Festival Malta u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se jsir b’risq…

Kronaka

L-awtoritajiet tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jinvestigaw il-mewt ta’ priġunier Malti ta’ 26 sena li nstab mejjet. Television Malta jinsab infurmat li l-priġunier neħħa ħajtu. Fi stqarrija maħruġa mill-Faċilità Korrettiva…

Aktar