
Raġel spiċċa arrestat u mtella’ l-Qorti wara li nqabad jgħix f’żona ristretta u sigura tal-ajruport internazzjonali ta’ Chicago, fl-Istati Uniti.
L-Imħallef Susana Ortiz spiċċat tħokk rasha meta bdiet tisma’ l-każ ta’ Aditya Singh ta’ 36 sena, li ddeskriviet bħala wieħed xokkanti.
Jirriżulta li Singh, li m’għandux rekord kriminali, wasal f’Chicago b’titjira minn Los Angeles fid-19 t’Ottubru li għadda, u baqa’ fl-ajruport għal kważi tliet xhur, sakemm ġie arrestat jumejn ilu. Intqal li dan beża’ jmur lura d-dar f’Los Angeles minħabba l-Covid-19.
Fil-Qorti ntqal li Singh sab dokument tal-identifikazzjoni ta’ wieħed mill-impjegati u baqa’ jużah biex idur fiż-żona ristretta tal-ajruport, anki jekk l-impjegat kien irrapporta d-dokument nieqes. Huwa kien jiekol milli jtuh il-passiġġiera li jkunu għaddejjin mill-ajruport.
L-Imħallef qalet li Singh jista’ jitqies ta’ theddida għas-soċjetà fid-dawl tal-ammont ta’ żmien li qatta’ jgħix fl-ajruport bla ma nqabad.
Huwa nżamm arrestat, u f’każ li jħallas il-garanzija għall-ħelsien mill-arrest, ma jistax jersaq lejn l-ajruport.