Mużika
“Qed inqatta’ aktar ħin mal-passjoni u l-karriera tiegħi”

Jingħad li l-mużika hi lingwa universali – li tinftiehem minn kulħadd. Grupp ta’ mużiċisti minn 18-il pajjiż ingħaqdu flimkien u minn darhom daqqew l-istess silta mużikali, fosthom minn Malta, l-arpista Lydia Buttigieg.

Fil-bidu tal-pandemija tal-coronavirus, għadd kbir ta’ teatri madwar id-dinja niżżlu s-siparju u għadu mhux magħruf meta dan se jerġa’ jitla’. Dan ma waqqafx lil grupp ta’ artisti milli jesponu t-talenti tagħhom u l-imħabba għal muzika.

Sebgħa u ħamsin mużiċist minn 18-il pajjiż ngħaqdu flimkien b’mod virtwali u daqqew is-silta “The Tempest – Lockdown 2020”.

L-arpista Lydia Buttigieg ingħaqdet ma’ The Celtic Orchestra f’dan il-proġett ikkordinat mis-surmast Taljan Fabius Constable. Fil-proġett ħadu sehem mużiċisti ta’ kull età – minn aljevi sa mużiċisti professjonali.

“Xi ħaġa meravilja hija li avolja li kulħadd qiegħed fid-dar tiegħu, imma fl-istess ħin qegħdin viċin ta’ xulxin avolja qegħdin ‘il bogħod min pajjiżi oħra u spiċċajna qisna familja waħda avolja ma nafux lil xulxin,” qalet Lydia Buttigieg.

Lydia Buttigieg spjegat kif għall-mużiċisti, il-media soċjali nbidlet f’palk matul din il-pandemija.

“Spiċċajt nistudja u fl-istess ħin nagħti pjaċir lin-nies ta’ fuq il-Facebook li għandi jiena u xi kultant intella’ video jew tnejn kuljum hekk u hekk nibqa’ għaddejja jien għar-repertorju tiegħi għax kelli nikkanċella l-kunċerti kollha,” kompliet l-arpista.

L-arpista spjegat li minħabba l-pandemija kellha tħassar mal-11-il kunċert li kellha mas-St Paul Metropolitan Orchestra u kunċerti oħra skedati għal din is-sena.

Spjegat li f’dawn il-jiem qed tqatta’ ħin twil fil-kamra tal-mużika tagħha – bejn l-istudju u r-riċerka fuq il-mużika Maltija filwaqt li kompliet tagħti l-lezzjonijiet online lill-istudenti tagħha.

“Inqatta’ l-ġranet hawnhekk id-dar, kif tafu kulħadd mhux suppost joħroġ daqshekk daż-żmien imma tqatta’ iżjed ħin mal-passjoni tiegħek u f’din iċ-ċirkostanza hija mal-karriera tiegħi,” temmet tgħid Lydia Buttigieg.