Ambjent
Qed issir konsultazzjoni pubblika fuq żoni għall-kampeġġi, karavans u ‘picnics’

Sal-aħħar ta’ Marzu li ġej, il-pubbliku, għaqdiet mhux governattivi, u wkoll sidien ta’ artijiet huma mħeġġa biex jieħdu sehem f’konsultazzjoni pubblika dwar l-użu ta’ spazji miftuħa għar-rikreazzjoni.

Il-Ministru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u Ippjanar, Aaron Farrugia nieda dokument ta’ diskussjoni f’dan il-qasam u spjega li l-Gvern qed ifittex li jagħmel l-aħjar użu mill-pjani lokali u joħloq aktar żoni ta’ rikreazzjoni u spazji miftuħa aħjar għal kulħadd.

Il-Ministru Farrugia qal li dan id-dokument ta’ konsultazzjoni pubblika se jservi ta’ gwida fid-deċiżjonijiet tal-Gvern fuq żoni għall-ikkampjar, il-picnics u l-karavans.

“Kien hawn il-karba mill-familji Maltin u Għawxdin għal iktar spazji miftuħa, spazji ħodor, illi fihom jistgħu jikkrejaw rwieħhom u allura ħarisna lejn il-local plans tal-2006 fejn huma stess identifikaw żoni ta’ fejn nistgħu nagħtu iktar aċċess għall-pubbliku u ndawruhom f’żoni rikreattivi u issa qed nagħtu sat-30 ta’ Marzu biex b’hekk il-familji u l-għaqdiet kollha involuti jiġu lura bil-pariri tagħhom dwar kif dawn iz-zoni għandhom jiġu ġestiti u x’faċilitajiet għandu jkun hemm. Qed inħarsu lejn tliet tipi ta’ rikrezzjoni, il-karavans, il-camping u l-picnics.”

Il-Ministru Farrugia qal li l-Gvern beda l-proċess ta’ rivoluzzjonar fl-ippjanar tal-pajjiż fejn se joħloq komunitajiet aktar ħodor li jrawmu sens ta’ kburija. Semma kif għandhom jinstabu metodi aħjar ta’ ppjanar, u jeħtieġ ukoll it-tisħiħ fir-regolamentazzjoni ta’ ċerti attivitajiet.

“Il-Gvern qed jistieden lis-sidien tal-artijiet biex jgħidu jekk humiex interessati li jipproponu l-art tagħhom għal skop ta’ rikreazzjoni; filwaqt li l-pubbliku, għaqdiet mhux governattivi, u wkoll sidien li għandhom artijiet f’dawn l-ispazji miftuħa huma mħeġġa joħorġu b’ideat fuq x’faċilitajiet jistgħu jiżdiedu f’dawn iż-żoni li huma msemmija fil-pjani lokali.”