Droga
Qed jieħdu ħsieb masġar ġdid kif jieħdu ħsieb li joħorġu mill-vizzju tad-droga f’San Blas

Bħala parti mill-programm ta’ rijabilitazzjoni, ir-residenti tad-dar tal-Komunità Terapewtika qed jingħataw iċ-ċans li jagħmluha ta’ ġardinara f’masġar li għadu kif sar biswit ir-residenza tal-Caritas f’San Blas.

Il-masġar sar minn Infrastructure Malta bħala parti mill-programm nazzjonali ta’ tħawwil ta’ siġar. tvm tkellem ma’ xi residenti li qalu kemm dan huwa mod tajjeb biex jirrijabilitaw ruħhom u joħorġu mill-vizzju tad-droga.

L-14-il raġel u seba’ nisa, residenti fid-dar tal-Komunità Terapewtika ta’ San Blas, bdew igawdu minn masġar ġdid “Bosk it-Tama” bħala parti mit-terapija li qed tingħatalhom waqt il-programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga. Dan il-bosk mhux biss qed iservi bħala post ta’ kwiet u riflessjoni iżda wkoll qed jiddedikaw ħinhom fiż-żamma tal-masġar.

“Il-ġnien qed narah parti mir-recovery tiegħi. Is-siġra jekk mhux se tieħu ħsiebha mhux se tagħtik frott. Imma jekk se tieħu ħsiebha se turik is-sbuħija tagħha. Aħna nieħdu ħsiebha bħalma nieħdu ħsieb ir-recovery tagħna.”

“Waqt li qed tieħu ħsiebha ssaqqiha, tneħħilha l-ħaxix ħażin, aħna hawnhekk qed ngħallmuhom ibiddlu l-ħsibijiet, il-prinċipji negattivi li kellhom fil-passat, fejn bħal pjanta jekk tieħu ħsiebha tagħtik il-frott, ir-recovery hija l-istess”, qal Nicky Sammut wieħed mill-faclitators f’San Blas.

Il-masġar sar minn Infrastructure Malta f’kollaborazzjoni ma’ Caritas Malta biex f’għalqa ta’ aktar minn 1,500 metru kwadru li ma baqgħetx tintuża għal skopijiet agrikoli, tħawlu mat-350 siġra u arbuxelli indiġeni b’investiment ta’ madwar €50,000.

“Nafu kemm l-ambjent naturali huwa mportanti għal pajjiżna pero b’mod partikolari għal min ikun qiegħed jagħmel programm ta’ dan it-tip fejn il-kuntatt man-natura huwa mod fejn il-bniedem jiltaqa’ miegħu innifsu u anki mal-valur tiegħu bħala parti sħiħ mill-ambjent kollu”, qal id-Direttur tal-Caristas Anthony Gatt.

Is-siġar li ħawwlet Infrastructure Malta jinkludu ħarrub, ċipress, palm tat-tamal, rummien, żebbuġ, siġret il-virgi u siġar ta’ Ġuda. Rachel Powell qalet li f’diversi proġetti li qed tagħmel Infrastructure Malta, qed tintroduċi speċi endemiċi fil-landscaping.

“Qed naraw kif fil-landscaping tal-ġonna tagħna kunċetti Maltin bħal per eżempju widnet il-baħar, il-klin, is-salvja jiġu ntrodotti f’dawn l-ispazji biex jitgawdew f’dan il-każ minn din il-komunità”, qalet Powell.

Fl-istess proġett f’San Blas, ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qegħdin jibnu ħitan tas-sejjieħ u jiffurmaw żona bil-bankijiet f’nofs il-masġar ġdid fejn ir-residenti jkunu jistgħu jqattgħu ħin ta’ mistrieħ u riflessjoni.

Dan il-masġar jifforma parti mill-programm nazzjonali ta’ tħawwil ta’ siġar hekk kif fi tliet snin Infrastructure Malta ħawlet qrib it-30,000 siġra u l-20,000 arbuxell f’diversi postijiet madwar Malta.