Lokali
Qed jinġibdu erba’ films li se jħallu €7 miljun fl-ekonomija

Waqt li l-pajjiż qed jissielet il-pandemija, l-industrija tal-films baqgħet iddawwar ir-rota. Ma’ Television Malta, il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, qal li bħalissa qed jiġu ffilmjati erba’ produzzjonijiet barranin ta’ ġeneri differenti, tnejn minnhom f’Għawdex. Is-Sur Grech qal li bejniethom dawn l-erba’ produzzjonijiet mistennija jħallu aktar minn €7 miljun fl-ekonomija lokali.

Fil-Malta Film Studios fil-Kalkara, tlesta x-xogħol tal-bini u ġie installat it-tagħmir ta’ pump room ġdida li swiet miljun Ewro u nofs. Il-pump room hi l-qalb tal-faċilitajiet tat-tankijiet tal-ilma li huma mfittxija mill-produtturi tal-films u din hi l-ewwel darba li sar investiment tax-xorta f’aktar minn 40 sena.

Il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, qal li din is-sena se jibda x-xogħol biex titwettaq xewqa oħra tal-operaturi fl-industrija, dik li għall-ewwel darba Malta jkollha faċilitajiet ta’ sound stage. Il-bini ta’ tliet sound stages se jiswa €13-il miljun. Il-Kummissarju Grech spjega għaliex is-sound stages huma kruċjali għall-industrija u għall-operaturi.

“Il-bini tas-sound stages. Se jkunu huma minn tal-ewwel li b’hekk naraw li l-jobs tagħhom jiġu karrieri u b’hekk naraw lil Malta tkompli tavvanza f’dan il-qasam fl-industrija tal-films.”

F’laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-operaturi fil-qasam tal-films, il-Kummissarju Grech qal li waqt il-pandemija baqgħu għaddejjin produzzjonijiet anke f’Għawdex.

“Din id-darba fir-raba’ xahar għandna erba’ produzzjonijiet. Tnejn minnhom f’Għawdex fejn qed naraw issa wkoll l-Għawdxin jaħdmu fl-industrija tal-films. Dawn l-erba’ produzzjonijiet hu maħsub li se jiġġeneraw fl-ekonomija tal-pajjiż madwar €7 miljun.”

Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fil-faċilitajiet tal-Film Studios. Il-Ministru Bartolo qal li fl-ewwel tliet xhur tas-sena nġibdu tliet produzzjonijiet fil-pajjiż li ħallew €18-il miljun fl-ekonomija filwaqt li nħolqu iktar minn 1,200 opportunità ta’ xogħol.