Annimali
Qed jiġu investigati rapporti ta’ ġlied tal-klieb u qtil illegali ta’ żwiemel

Waqt li fil-Parlament għaddejja liġi biex jiħraxu l-pieni dwar każi ta’ moħqrija tal-annimali, saru allegazzjonijiet li reġa’ qed ikun hawn il-ġlied tal-klieb u anke akkużi li żwiemel qed jinqatlu f’razzett illegalment u li l-laħam tagħhom qed jinbiegħ biex jiġu mitmugħa annimali eżotiċi. Il-Kummissarju dwar il-Ħarsien tal-Annimali Dr. Dennis Montebello qal li dawn ir-rapporti għadhom qed jiġu investigati.

Il-Kummissarju dwar il-Ħarsien tal-Annimali Dr. Dennis Montebello qal li ma jistax jikkummenta jekk ma jkollux provi konkreti dwar rapporti li qed jinqatlu żwiemel illegalment u li fil-pajjiż reġa’ hawn persuni li qed iġelldu l-klieb. Dr. Montebello qal li dawn il-każi qed ikunu investigati mill-awtoritajiet kompetenti u sakemm ma jkunx hemm provi konkreti, huwa inutli li jispekula.

Dr. Dennis Montebello qal “ktibt lid-direttorati biex ngħidilhom jekk huma innotawx dawn in-notizji allarmanti fil-gazzeti u jekk rawhomx, jgħiduli x’azzjoni ħadu, x’irriżultalhom jekk hux veru jew le, jekk humiex joqtlu iż-żwiemel għal-laħam jew jekk humiex iġelldu l-klieb u jekk irriżultalhom x’passi qegħdin jieħdu.”

Dan qed isir fl-isfond li l-Parlament beda jiddiskuti liġi li ser tħarrex il-pieni għal min jinstab ħati ta’ abbuż fuq l-anninali. Fl-aħħar ħames snin tressqu ħamsin persuna l-Qorti dwar moħqrija tal-annimali. Dr. Montebello qal li l-leġislazzjoni tibqa’ biss formalità jekk mill-fażijiet ta’ sorveljanza għall-ġbir ta’ provi u d-deċiżjonijiet tal-Qorti, mhux qed ikunu effettivi biżżejjed. Qal li d-Direttur għas-Servizzi Veterninarji u d-Direttur għat-Trattament Xieraq tal-Annimali għandhom irwol kruċjali f’din il-katina.

Il-kummissarju Montebello, li beda jassumi din il-kariga f’Ottubru, qalilna li l-prijorità assoluta hi li jkollu l-informazzjoni aġġornata biex jiddetermina jekk l-implimentazzjoni tal-liġi hiex qed tkun effettiva biżżejjed.