Lokali
‘Qed jitfassal pjan sabiex it-tyres u d-detergents jiġu rriċiklati’ – il-Ministru Aaron Farrugia

Il-Ministru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia qal li kemm l-iżviluppaturi u kemm l-ambjentalisti jafu fejn huma mal-Gvern Laburista, fejn jafu li qed jipprova jġib bilanċ bejn il-ħtiġijiet tal-iżvilupp u l-ħarsien ambjentali. Huwa qal li għall-kuntrarju, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma tiddeċidix għax ma tafx x’inhi il-viżjoni li twettaq jekk tkun fil-Gvern.

Fid-diskors tiegħu fil-Parlament dwar l-estimi tal-Budget, il-Ministru Farrugia semma’ x’qed isir dwar it-tibdil fil-klima minkejja l-legat ta’ Gvern Nazzjonalista li kien ġie kkundannat mill-Qorti Ewropea għax Malta ma kinitx laħqet il-miri dwar it-tniġġiż meta l-pajjiż kien għadu jaħdem bil-power stations li jaħdmu biż-żejt fil-Marsa u Dellimara.

Qal li llum l-istrateġija ta’ żvilupp dwar inqas karbonju fl-arja mhux biss tfasslet iżda saru l-projezzjonijiet tal-ispejjeż li tinvolvi bil-Gvern Laburista jalloka fondi apposta. Qal li din l-istrateġija se tolqot fost oħrajn l-industrija, it-trasport, l-enerġija u l-ambjent. Qal li l-Gvern ħareġ bil-kunċett tal-green bonds bl-istock exchange Malti jiffinanzja il-pjan. Spjega li s-sena d-dieħla se jitwaħħlu 130 post minn fejn jistgħu jiġu ċċarġjati l-batterji ta’ karozzi elettriċi. Il-Gvern ivvota miljun u ħames mitt elf ewro għall-iskema tal-iskrappjar tal-karozzi u se jingħata rifużjoni tal-VAT fuq xiri ta’ scooters u roti fost oħrajn.

Il-Ministru Farrugia rrefera għal pjanijiet lokali tal-2006 fejn meded kbar ta’ art daħlu fiż-żoni tal-iżvilupp u qal li llum ikollu jiffirma għal żvilupp fihom minħabba deċiżjonijiet kontra jkunu kkontestati fil-Qorti Ewropea tort tal-iżbalji ta’ Gvern Nazzjonalista.  Qal li l-Oppożizzjoni tikkritika mingħajr ma toffri soluzzjonijiet u semma’ li l-kelliema tagħha ma semmew xejn dwar dawn il-pjanijiet lokali u dwar il-pjan ta’ strateġija dwar l-ambjent u l-iżvilupp magħruf bħala SPED. Huwa żied jgħid li bdiet issir reviżjoni ta’ din l-istrateġija li se tqis fost oħrajn iż-żieda fil-popolazzjoni u x’tip ta bini għandu jkollu l-pajjiż.

Il-Ministru Farrugia tkellem dwar l-importanza għall-ekonomija tas-settur tal-kostruzzjoni li baqa’ jissaħħaħ waqt il-pandemija tal-Covid 19 biex il-pajjiż joħroġ reżiljenti u b’saħħtu.  Qal li l-Gvern irid żvilupp intelliġenti, bil-permessi jiġu maħruġa b’iżjed effiċjenza u inqas burokrazija mill-Awtorità tal-Ippjanar u l-Aġenzija tal-Ambjent u r-Riżorsi. Qal li l-Gvern lest li jimbarka fuq politika komprensiva f’dan il-qasam li tiddefinixxi kemm u fejn jinbnew appartamenti waqt li huwa favur li jinbnew aktar djar u maisonettes.

Il-Ministru għall-Ambjent tkellem ukoll dwar il-miżuri biex titkattar l-ekonomija l-ħadra b’ġonna vertikali f’diversi postijiet inkluż fi nħawi indsutrijali kif ukoll inċentivi lill-familji biex iħaddru l-faċċati tad-djar u l-bjut.

Huwa semma’ xogħlijiet li saru fil-Buskett, fil-parks tas-Salina u l-Inwadar  u fis-siti ta’ natura elfejn. Qal li għall-ewwel darba ġew ingaġġati rangers biex jieħdu ħsieb dawn l-inħawi, jispjegaw lill-pubbliku u jinfurzaw il-liġi.

Dwar l-ekonomija ċirkulari, il-Ministru Farrugia qal illi qed titfassal u titwettaq l-istrateġija ġdida dwar l-iskart u l-biodiversità. Huwa qal li 6,500 tunnellata ta’ ħġieġ ġew esprotati għar-riċiklaġġ.  Qal li qed jinġabar il-ħadid mill-Magħtab biex ukoll jiġi esportat għall-istess għan u issa qed jiġi ppjanat kif jistgħu jiġu rriċiklati t-tyres u d-detergents.

Il-Ministru Farrugia qal li l-proġett tal-Magħtab, li se jqum €500 miljun se jibdel il-miżbliet f’riżors għall-enerġija. Il-miżbliet f’Wied Fulija f’Malta u fil-Qortin Għawdex inbidlu f’parks u se jkunu inawgurati s-sena d-dieħla.

Id-Deputat Nazzjonalista David Thake akkuża lill-Gvern li mhux imħejji biex jilħaq il-miri ambjentali Ewropej sal-2030 u żied li l-politika tal-Gvern mhix ċara.  Huwa qal li l-Gvern kompla għaddej bil-bini ta’ erba’ impjanti fil-Magħtab u inċineratur li se jniġġżu l-inħawi. Żied jgħid li l-Gvern qed jirrifjuta li jagħmel assessjar strateġiku tal-impatt ambjentali ta’ dan il-proġett.

Is-Sur Thake qal li l-Gvern se jippreżenta l-pjan dwar l-iżvilupp tat-tnaqqis tal-karbonju lill-Unjoni Eweropea sena tard.  Qal li l-Gvern se jipprojbixxi l-bejgħ ta’ prodotti tal-plastik li jintuża darba fil-bidu tal-2022 meta d-direttiva. Staqsa wkoll jekk il-Gvern kienx se joħroġ inċentiv biex is-sajjieda jibdlu x-xbieki tan-nylon.

Il-Kelliem Nazzjonalista qal li l-Gvern ma ħadimx biex fil-pajjiż ikun hawn biżżejjed postijiet fejn wieħed jiċċarġja l-batterija tal-karozzi elettriċi. Żied jgħid li lanqas ma qal kif se jiddisponi mill-batteriji ta’ dawn il-karozzi meta jispiċċa l-użu tagħhom. Qal ukoll illi l-prezz tal-gass għal karozzi huwa ogħla mill-medja Ewropea.

Is-Sur Thake staqsa kif il-Gvern kien se jassigura trasparenza fl-inċentivi ta’ finanzjament għħall-ekonomija l-ħadra.  Dwar l-enerġija rinnovabbli, huwa qal li l-Gvern qed jitfa’ r-responsabbiltà fuq in-nies.

Id-Deputat Thake tkellem dwar il-viżjoni tal-Oppożizzjoni li ssaħħaħ l-ambjent mingħajr kompromessi u li jaħdem mal-industrija biex żoni dilapitati jinbidlu f’żoni ħodor. Jiżdiedu l-ispazji miftuħa u l-parks waqt li jkun hemm żoni pedonali għall-użu wkoll miċ-ċiklisti. It-trasport pubbliku għandu jsir alternattiva serja għall-karozzi privati.