Infrastruttura
Qed jitneħħew 23 bastiment mitluq fil-Port il-Kbir

Wara li fil-ġimgħat li għaddew ġew irmunkati ‘l barra mill-Port il-Kbir ir-riggijiet li kienu ilhom snin fil-Port il-Kbir, qed jitneħħew ukoll bastimenti li ilhom snin mitluqin mal-mollijiet fil-Port. Bħala parti mix-xogħlijiet għar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, sal-aħħar ta’ dan ix-xahar se jkunu tneħħew b’kollox 23 bastiment, li ħafna minnhom huma fi stat ta’ tifrik, uħud minnhom huma mgħarrqa u li għalhekk jagħmlu l-operazzjoni ta’ tneħħija aktar kumplessa.

Bastimenti li għal xi raġuni jew oħra tħallew abbandunati mal-mollijiet fil-Port il-Kbir mhux biss ikerrħu d-dehra imma qed jokkuppaw spazju, li fl-inħawi huwa limitat.

Transport Malta b’kordinament ma’ Infrastructure Malta individwaw 23 opra tal-baħar – li jinkludu braken, jottijiet, dgħajjes, u bastimenti tas-sajd fost oħrajn – li ilhom snin abbandunati. Il-kaptan Fritz Farrugia, deputat harbour master tad-direttorat tal-portijiet u yachting fi ħdan Transport Malta, qal li dawn bdew jitneħħew biex fil-ġimgħat li ġejjin ikun jista’ jibda x-xogħol ta’ tħammil fil-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.

“Parti mill-proġett ta’ riġenerazzjoni, apparti mix-ship to shore supply fejn ix-xogħol issa beda, ħa jsiru mollijiet ġodda u fl-istess ħin ħadna l-ispunt biex il-bathymetry jiġifieri il-fond li hemm ma’ ċertu mollijiet jittranġaw, inħammlu biex hekk ikollna daqsxejn iktar flessibilità fuq it-tip u d-daqs tal-vapur li nistgħu nakkomodaw.”

Il-kaptan Farrugia qal li diġà tneħħew tnax-il bastiment u fi żmien xahar mistennija jitneħħew il-ħdax-il opra tal-baħar li għadhom abbandunati fil-Port. Spjega li hemm diversi raġunijiet għalxiex bastiment jitħalla abbandunat mal-moll. Semma raġunijiet legali, is-sitwazzjoni fis-suq u bastimenti li jkunu involuti f’attivitajiet kriminali barra minn Malta, kull bastiment ikollu l-istorja tiegħu.

“Ma ninsewx li vapur ikun fil-baħar irid ikun ċertifikat u inxurjat kif suppost u naturalment jekk naraw sid jew operatur ta’ bastiment li mhux qed jimxi mar-regolamenti ta’ Malta, l-awtorità ħa tintervjeni u tordnalu jew jirregola ruħu jew l-awtorità tieħu over u jekk hemm bżonn titneħħa mill-baħar stess.”

Il-kaptan Farrugia żied li ladarba jitneħħa minn mal-moll, bastiment li jkun abbandunat jintrema’ b’kordinament u skont ir-regolamenti tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi.