Lokali
Qed jiżdied l-infurzar biex il-komunitajiet jgħixu f’serenità – PM

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat dalgħodu qal li dwar l-immigrazzjoni qed jiżdied l-infurzar biex il-komunitajiet jgħixu b’serenità, mhux biss b’ħidma ikbar mill-pulizija, iżda anki b’użu tat-teknoloġija. Dr Muscat sejjaħ lill-Oppożizzjoni bħala waħda bla kredibilità, meta dil-ġimgħa l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kkritika lill-Gvern fuq il-vjolenza domestika meta kien hu stess li vvota kontra din il-liġi.

Intervistat fuq One Radio, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li dwar l-immigrazzjoni dan il-Gvern qed jaħdem fuq iktar infurzar tal-liġijiet fil-lokalitajiet b’ħidma mal-pulizija u l-kunsilli lokali, biex il-komunitajiet fosthom dawk tal-Marsa, Santa Venera, Ħamrun u B’Kara jgħixu f’iktar serenità. Spjega li qed jiddaħħlu by-laws fosthom kontra tlajjar fit-toroq bla bżonn, u ħidma kontra aġir anti soċjali, anki b’użu ta’ teknoloġiji ġodda fosthom b’kameras ta’ sigurtà. Dwar l-immigrazzjoni Dr Muscat qal li jaqbilx ma’ dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li jrid li Malta tieħu fuq spallejha ir-responsabiltajiet ta’ kullħadd fil-Mediterran u nsiru xi ċentru tal-Ewropa tal-immigrazzjoni.

Dwar il-vjolenza domestika il-Prim Ministru qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma jistax jikkritika l-Gvern, u jagħmel dil-kwistjoni waħda politika għaliex kien hu stess li vvota kontra l-liġi tal-vjolenza domestika. Qal li ċertament trid tkompli l-ħidma biex il-vjolenza domestika tispiċċa. Il-Prim Ministru Muscat qal li kuntrarju għal dak li qal Dr Delia li ż-żgħażagħ moħħhom biss fid-droga, għall-kuntrarju meta jiltaqa’ maż-żgħażagħ, fil-verità dawn moħħhom fix-xogħol, fil-futur tagħhom, fl-ambjent, u fit-teknoloġija.

Dwar Brexit Dr Muscat qal li kull Mexxej fl-Unjoni Ewropea għadu jittama fl-impossibli, li r-Renju Unit ibiddel it-triq u jerġa’ lura fil-blokk Ewropew, b’referendum ieħor li forsi jwassal biex il-poplu Ingliż ikun biddel fehmtu. Min-naħa l-oħra qal li qed issir ħidma oħra biex il-Gvern jipproteġi lill-Maltin li jgħixu l-Ingilterra u li importanti li dawn ikunu rreġistrati fl-ambaxxati Maltin fil-pajjiżi tar-Renju Unit, u dan biex l-istat tagħhom jiġi mħares. Qal li l-Gvern Malti mbagħad ukoll se jkun qed iħares lill-Ingliżi li jgħixu f’Malta hekk kif dawn ikunu ilhom jgħixu hawn is-snin, u li dejjem kkonribwew soċjlament u ekonomikament.

Mistoqsi dwar fejn qed imur ir-surplus tal-pajjiż Dr Muscat qal li n-nies jistgħu jaraw b’għajnejhom it-twettiq tal-wegħda elettorali li jsiru t-toroq kollha tal-pajjiż f’seba’ snin, u t-trasport b’xejn għall-istudenti kollha li jattendu skejjel anki tal-knisja u indipendenti, fejn qal li għad fadal xi ftit problemi imma li ċert li l-problemi se jissolvew.

Aħbarijiet Oħra
Pulizija

Il-Pulizija Maltija waqfet taqsima li permezz tagħha żżomm kont tal-ismijiet tal-passiġġieri kollha li jgħaddu minn Malta. B’hekk Malta qed timxi mad-direttiva Ewropea li għandha l-għan li tipprevjeni u tinvestiga kazi…

Qorti

Silvio Zammit fetaħ protest ġudizzjarju kontra l-Avukat Ġenerali u talab lill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici biex ibiddel klawżola fil-Kodiċi Kriminali, biex Maġistrat ikun jista’ jiddikjara magħluqa l-evidenza tal-prosekuzzjoni meta wara numru ta’…

Qorti

Raġel minn Ħal Qormi nżamm arrestat wara li hedded lil Spettur tal-Pulizija u offendieh f’diversi telefonati. L-Ispettur kien qed jinvestigah dwar akkużi li hedded lill-eks sieħba tiegħu. Il-Prosekuzzjon spjegat li…

Aktar