Ambjent
Qed jiżdied l-iskart fuq il-bajjiet mill-ikel tat-‘takeaway’

Qabel ma jibdew jinġabru n-nies fuq il-bajjiet, ħaddiema tad-Diviżjoni tal-Manutenzjoni u t-Tindif ikunu diġà hemm biex jiġbru l-iskart li jkun tħalla lejliet, inaddfu, u din is-sena jiddiżinfettaw ukoll. Sa Ottubru, it-tindif isir kull filgħodu – f’ċerti bajjiet isir darbtejn u anke tliet darbiet kuljum.

Id-Direttur tad-Diviżjoni, Ramon Deguara, qal li mis-sena li għaddiet sal-lum inġabru ‘l fuq minn 535 tunnellata ta’ skart mill-bajjiet kollha. Inġabret ukoll mal-2,840 tunnellata ta’ alka.

“Għandek tbattil tal-kontenituri tal-iskart, għandek it-tindif fuq ir-ramel ovvjament u ma nitkellmux biss fuq il-bajjiet ramlin – nitkellmu wkoll fuq il-bajjiet kollha madwar il-kosta li għandna madwar 52 bajja madwar il-pajjiż,’ spjega s-Sur Deguara.

Is-Sur Deguara nnota li din is-sena kien hemm żieda fil-kwantità ta’ skart li qed jinġabar mill-mija u għaxar ħaddiem responsabbli mit-tindif tal-bajjiet. “Għandna dawn il-kumpaniji li jqassmu, jagħmlu deliveries tat-take away , u ovvjament qed naraw trend ġdida li fuq il-bajjiet tagħna qed naraw żieda drastika fl-iskart li jikkonċerna kontenituri tat-take away u affarijiet hekk.”

Żied jgħid li jekk din it-tendenza tippersisti, id-Diviżjoni tal-Manutenzjoni u t-Tindif se tikkunsidra li sena oħra żżid il-kontenituri tal-iskart fuq il-bajjiet. Spjega li minħabba l-pandemija tal-coronavirus qed isir diżinfettazzjoni fuq il-bajjiet.

“Għandna l-ħaddiema tagħna li jkunu qed jagħmlu diżinfettar ta’ kontenituri tal-iskart fuq bajja bir-ramel, kif ukoll bajjiet fejn għandna l-blat, fejn għandna handrails, fejn għandna slielem – fejn għandna equipment ieħor prattikament kollha jiġu sanitized darbtejn – tlieta kuljum.”

Intant, din id-Diviżjoni hija responsabbli wkoll għal madwar 300 sellum li jitwaħħlu f’diversi nħawi mal-kosta biex jitjieb l-aċċess għall-baħar fejn hemm il-blat. Tieħu ħsieb ukoll tagħmir ieħor fuq il-bajjiet. Il-ħaddiema jiġbru wkoll ħut u annimali mejta li jinġarru bil-kurrenti għal fuq l-art.