Saħħa
Qed jiżdiedu l-każijiet f’Malta ta’ nies li jispiċċaw bla swaba’

Il-kallijiet u d-dwiefer fil-laħam mhumiex biss skumdità imma wkoll sinjal ta’ gwaj li jista’ jiġi kkurat bl-għajnuna ta’ podjatri mħarrġa apposta. Dan hu l-messaġġ li qed twassal l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Podjatri fil-jum iddedikat lil din il-professjoni.

Television Malta tkellem mal-podjatra Yvonne Midolo li spjegat li fost oħrajn qed jaraw ukoll aktar każijiet ta’ pazjenti Maltin li jispiċċaw mingħajr swaba’ ta’ saqajhom minħabba infezzjonijiet ikkawżati mid-dijabete.

Yvonne Midolo ilha tmien snin taħdem bħala podjatra; professjonista li tieħu ħsieb il-kura tas-saqajn. Spjegat li l-kallijiet u d-dwiefer morda huma fost l-aktar problemi komuni fil-Maltin.

“Aħna nikkuraw dwiefer li huma morda u dwiefer li jkunu deħlin fil-laħam. Nagħmlu operazzjoni speċifika biex naqilgħu dak id-difer li jkun problematiku. Bħala kallijiet ikunu wġigħ relatat magħhom jiġifieri pazjent ma jkunx jista’ jimxi,” qalet Midolo.

Pjaga li qed tikkawża ħafna problemi fis-saqajn hi d-dijabete li twassal biex fost oħrajn il-pazjenti jitilfu s-sens tal-ħass. “Jirfsu fuq pin u ma jindunawx jew biċ-ċirkulazzjoni batuta, ikollhom ferita u ma tistax tfiq għax m’għandhiex biżżejjed demm nieżel għas-sieq bażikament.”

Is-Sinjura Midolo qalet li qed jiżdiedu l-każijiet ta’ pazjenti jkollhom jinqatgħulhom is-swaba’ ta’ saqajhom minħabba z-zokkor. “Kultant jibdew minn xi ħaġa vera żgħira bħal selħa, imbagħad tiżviluppa f’ferita u infezzjonijiet u l-problema tidħol ‘il ġewwa sew u mbagħad hemmhekk ikun hemm qtugħ sfortunatament.”

F’każijiet fejn l-infezzjoni tinfirex, l-intervent ta’ podjatra jaf isalva ħajja. “Jekk naqbdu ferita mill-bidu, nikkurawha u nieħdu ħsiebha, iva indirettament inkunu qegħdin insalvaw ħajja,” sostniet Midolo.

Fil-Jum Dinji tal-Podjatri, l-Assoċjazzjoni tal-Podjatri appellat biex in-nies biz-zokkor imorru għand podjatra mill-anqas darba fis-sena.

Hu stmat li f’Malta hawn madwar 100 podjatra, bil-maġġoranza tagħhom jaħdmu mal-Gvern.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

“Għajnu Aħmar it-Tonn” jew “It-Tonn tal-Melliħin” kienet l-għajta tas-sajjieda Melliħin li sal-bidu tas-sittinijiet kienu jbiegħu t-tonn li jaqbdu bit-Tunnara. Is-sajd bit-tunnara nqata’ iżda fil-mużew tat-Tunnara fil-bajja tal-Mellieħa, għaqda volontarja Melliħija ikkonservat…

Pulizija

Fl-aħħar xahrejn, l-uċuħ ta’ erba’ Pulizija saru familjari mal-komunità tal-Mellieħa. Ir-residenti laqgħuhom u jqisuhom “ta’ ġewwa”. Dawn l-erba’ uffiċċjali jiffurmaw l-ewwel Community Policing Team fi proġett pilota mniedi mill-Korp. Intervistat…

Malta

Fil-Greċja, hemm madwar 3,500 persuna b’konnessjonijiet Maltin, il-maġġoranza f’Korfu fejn jgħixu Griegi b’nisel Malti li saħansitra jwasslu sar-raba’ u l-ħames ġenerazzjoni. Waqt żjara fil-Greċja, il-President George Vella ltaqa’ ma’ rappreżentanti…

Kisbiet

Imwieled Malta u emigra lejn l-Awstralja 44 sena ilu wara li gradwa mill-Università ta’ Malta dak iż-żmien kienet magħrufa bħala The Royal University of Malta. F’intervista ma’ TVM, il-Professur Stephen…

Aktar