COVID-19
Qed joffri post b’xejn lil min jaħdem l-isptar u jgħix mal-vulnerabbli

Fl-aħħar sigħat il-vlogger Christabelle Zammit, magħrufa bħala Belle qalet permezz ta’ xandira diretta fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha li l-kantant żagħżugħ Kurt Anthony infurmaha li f’dawn il-jiem lest li jagħti ċ-ċwievet ta’ għadd ta’ appartamenti bla ħlas lill-infermiera, lit-tobba u ‘l kull min ixammar il-kmiem l-isptar u li jgħix ma’ persuna jew persuni vulnerabbli.

Il-vlogger spjegat li s-Sur Anthony qed joffri saqaf fuq ras dawn il-persuni bil-għan li l-għeżież vulnerabbli ta’ min jaħdem l-isptar ma jkunux kemm jista’ jkun esposti għall-Covid-19 bħat-tali ħaddiema li ta’ kuljum bejn l-erba’ ħitan tal-isptar iħabbtu wiċċhom ma’ bosta pazjenti.

Belle stiednet lil min hu interessat sabiex jagħmel kuntatt magħha jew ma’ Kurt Anthony. Żagħżugħ, xempju ta’ kif minkejja l-għawġ li qeleb lid-dinja ta’ taħt fuq fl-aħħar ġimgħat ftit solidarjetà ġenwina mal-proxxmu taf tnissel tbissima fuq fomm dak li jkun. Kull qalb trid oħra.