Negozju
“Qed ngħixu bil-ħniena” – restorantiera jappellaw għar-responsabbiltà

Fl-ewwel Ħadd mindu r-ristoranti bdew iservu biss ikel take-away, Television Malta tkellem ma’ żewġ sidien ta’ restoranti, li rrakkontaw l-isfidi li qed jgħaddu minnhom minħabba d-deċiżjoni mħabbra mill-awtoritajiet fil-jiem li għaddew li ma jibqgħux miftuħin.

Appellaw biex ma jisfaxxax is-sagrifiċċju finanzjarju li qed jagħmlu eluf ta’ negozji, minħabba l-aġir irresponsabbli ta’ wħud. Huma qed iħarsu b’ottimiżmu lejn is-sajf meta qed jittamaw li se jirrankaw mill-ġdid wara l-għoti tat-tilqima u ż-żieda tat-turisti li se jżuru Malta.

Għat-tieni darba f’sena, ir-restorantiera kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom, għajr għall-ordnijiet ta’ ikel take-away, minħabba l-miżuri mħabbra mill-awtoritajiet biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid.

Aaaron Degabrielie, sid ta’ ristorant fil-Belt Valletta, stqarr ma’ Television Malta li din kienet weġgħa oħra għall-istabbilimenti tal-ikel bħal tiegħu li kienu qed joperaw skont ir-regoli tal-Covid u kienu diliġenti. Minkejja li l-isforzi tagħhom sfumaw, qed jittama li terġa’ ddur ir-rota meta jasal is-Sajf.

“Irrid nara li fis-sajf ikollna 4 turisti. Bejnietna qed ngħixu bil-ħniena, imma bi ftit turisti nieħdu ruħ. Hija weġgħa u dwejjaq għaliex aħna għamilna sagrifiċċji kbar bl-iktar mod ġust, u xorta kien hemm min lilna tefgħana l-baħar għax ma mexiex bl-istess prinċipji.”

Is-Sur Degabriele qal li l-Belt joperaw madwar 200 stabbiliment tal-ikel u x-xorb u għalihom it-turist huwa essenzjali. Għalissa qed jipprova jkampa bl-ordnijiet ta’ dawk li baqgħu jċemplu biex jordnaw il-platt favorit tagħhom b’takeaway.

Ma’ Television Malta appella għad-dixxiplina għax inkella l-egojiżmu tal-ftit jista’ jiswa’ ta’ dannu għal kulħadd. “Kulħadd irid ikun responsabli. Aħna s-sidien tar-ristoranti rridu nkomplu bil-mitigazzjoni. M’għandniex triq oħra. Kulħadd jixtieq 40 ruħ flok 20. Mhux iż-żmien, però fl-istess ħin irridu naraw li kulħadd josserva. Anke s-sidien tal-ħwienet, mhux 10 sew u tlieta ħżiena, għaliex tlieta ħżiena għerrqu lilna.”

Antonie Azzopardi, sid ta’ ristorant fl-Imġarr, qal li fiċ-ċirkustanzi li qed ngħixu, is-saħħa tieħu preċedenza. “Jiena xorta fhimtha, għalkemm għalaqna ħames ġimgħat xorta qbilt magħha għar-raġuni li se nsofru ftit għaliex xorta konna qed inkarkru. Iżda aħjar hekk, għax dan bħal bniedem għandu riħ, se joqgħod dieħel u ħiereġ fil-bitħa, jekk ma jingħalaqx ġewwa mhu se jgħaddilu qatt.”

Is-Sur Azzopardi wkoll tenna l-importanza li kulħadd jaġixxi b’responsabbiltà. “Kulħadd irid jagħmel il-biċċa tiegħu. Bħal lili ġie jagħlaqni se nitlef il-flus ovvjament, għax il-qligħ tagħna ara kemm naqqas. Dan tista’ tmiss lili, dan ma toqgħodx tgħid lili għax anzjani biss, għax din il-ġimgħa mietu tampari u 50 u hekk, skont kif tolqtok. Jiena jaf tolqotni qisha xejn mhu xejn, jaf tiġi fuqek u tispiċċa sptar, koma, eċċ.

L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, fi stqarrija qalet li n-negozji f’dan is-settur qed ibatu, anke jekk il-parti l-kbira sewgew ir-regoli stretti li kellhom. L-MHRA saħqet li l-awtoritajiet ikompli jwettqu l-kontrolli u l-infurzar biex jinqabdu l-persuni irresponsabbli, filwaqt li ħeġġet lill-awtoritajiet iħaffu l-proċess ta’ tilqim. Dan sabiex il-pajjiż ikun jista’ jqum fuq saqajh ekonomikament malajr kemm jista’ jkun, b’mod partikolari s-settur tat-turiżmu li qala’ l-ikbar daqqa ta’ ħarta kawża tal-pandemija.