Lokali
‘Qed nistenna li ssir speed camera fl-inħawi tal-Baviera’ – is-Sindku

Ħabta ma’ ħdax-il karozza ftit qabel nofsillejl quddiem il-bini tal-Awtorità tal-Artijiet fi Triq San Bastjan fil-Belt Valletta ħalliet numru ta’ karozzi bi ħsarat estensivi. L-inċident seħħ meta vettura li kienet għaddejja laqtet il-vetturi li kienu pparkjati, bil-ħsarat li ġarrbu erba’ minnhom wasslu biex il-karozzi ma setgħux jinstaqu.

Krew ta’ Television Malta li żar l-inħawi fl-għodwa wara li seħħ l-inċident ra li l-impatt mal-vetturi kien tant qawwi li waħda mill-vetturi daret għal fuq il-bankina u anki nqalatilha ir-rota ta’ wara. Vettura oħra spiċċat b’daqqiet fuq quddiem, fil-ġenb u fuq wara minħabba l-impatt qawwi, u b’uħud mit-tweqi mifqugħin.

F’kummenti ma’ TVM, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Infurzar, il-LESA, Svetlick Flores, qal li uffiċjal tal-LESA kien fil-post biex ħa ddetalji tal-inċident u ħareġ rapport kif jiġri f’kull inċident ta’ din ix-xorta. Ikkuntatjati minn TVM, il-Pulizija qalu li minħabba li ma kienx hemm persuni feruti, il-każ ma jiġix investigat minnhom. TVM huwa infurmat li l-awtoritajiet ħadu d-dettalji tax-xufier tal-vettura li ħabtet fil-vetturi pparkjati.

Fuq il-midja soċjali numru ta’ residenti wrew it-tħassib u l-għadab tagħhom bin-numru ta’ inċidenti li qed iseħħu f’nofs ta’ lejl fuq il-vetturi pparkjati tagħhom f’toroq differenti fil-Belt. Is-sindku Alfred Zammit, qal li l-Kunsilli Lokali tal-Belt qiegħed jaħdem biex jinqata’ s-sewqan eċċessiv f’din it-triq.

“Hawnhekk it-triq hija wiesa’ u xi kultant wieħed isuq aktar milli suppost, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta rcieva numru ta’ ilmenti minn diversi residenti ġimgħat ilu u aħna applikajna ma’ Transport Malta u l-LESA, biex f’din iż-żona naraw li ninstallaw speed camera.”

Is-sindku żied jgħid li l-Kunsill Lokali diġà beda jinsatlla numru ta’ kameras tas-sigurtà madwar il-Belt u ser ikompli jżidhom fix-xhur li ġejjin.