Barranin
“Qed nitlob għalik…it-talb tiegħek għeni meta kont marida” – tifla bil-kanċer lill-Papa

Tpinġija minn tifla li qed tingħata kura fis-sala tal-onkoloġija tal-isptar Bambino Ġesù f’Ruma l-Italja misset il-qlub ta’ bosta persuni.

It-tifla, bl-isem ta’ Giulia, pinġiet lill-Papa Franġisku fis-sodda l-isptar waqt li hi qed iżżommlu idu.

Giulia żewwqet it-tpinġija bil-kitba: “Għażiż Papa, ħoss it-talba tiegħi bl-istess mod li jien ħassejt it-talba tiegħek meta kont ma niflaħx.”

Apparti l-awguri ta’ Giulia ta’ fejqan ta’ malajr lill-Papa Franġisku, f’kitba oħra fuq Twitter l-isptar Bambino Ġesù ppubblika għadd ta’ tpinġijiet oħra indirizzati lill-Papa li rċieva mingħand tfal li jinsabu rikoverati fl-isptarijiet ewlenin fil-kapitali Taljana.

Fl-aħħar sigħat, il-Vatikan qal li l-Papa Franġisku qed ikompli jirkupra mill-operazzjoni li għamel il-Ħadd li għadda fil-musrana l-kbira. Qal, li l-Papa qed jimxi u jiekol bl-għajnuna u li r-riżultati tat-testijiet tad-demm huma sodisfaċenti.