Xogħol
Qed taħdem mid-dar? Ara x’għandek tagħmel biex tnaqqas l-istress

Kważi sena mill-bidu tal-pandemija tal-Covid-19, ħafna nies għadhom qed jaħdmu mid-dar. It-telework żdied b’mod partikolari dan l-aħħar hekk kif l-Ewropa qed tissielet mat-tieni mewġa tal-virus.

Minkejja li l-perċezzjoni ġenerali hija li xogħol mid-dar huwa iktar komdu, għadd ta’ studji li saru fl-aħħar snin jindikaw li f’ċertu ċirkostanzi x-xogħol mid-dar jista’ jżid l-istress tal-persuna u anki joħloq iktar problemi fiżiċi.

Servizz tal-BBC ġabar flimkien għadd ta’ pariri mill-esperti biex il-problemi psikoloġiċi u fiżiċi assoċjati mat-telework ikunu evitati:

Iftaħ il-purtieri għad-dawl

L-effett tad-dawl naturali, flimkien mal-arja friska u n-natura, huma ta’ benefiċċju kbir għas-saħħa mentali. Id-dawl tax-xemx jgħin lill-moħħ jirrilaxxa l-ormon serotonin, li jgħin lill-individwu biex iħossu kalm u iffukat, u jnaqqaslu l-ansjetà. Jekk qed taħdem mid-dar għandek tagħżel kamra li jilħaqha sew id-dawl naturali, iftaħ il-purtieri, u ressaq il-mejda viċin tieqa jew gallarija.

Naqqas il-ħsejjes

Fejn possibbli, wieħed għandu jnaqqas ħsejjes qawwija, li jistgħu jwasslu biex il-parti tal-moħħ imsejħa amydgala tibgħat sinali ta’ periklu li jinqabdu mill-hypothalamus, parti oħra tal-moħħ, li ġġiegħel lill-glandoli aderenali jirrilaxxaw l-adrenalina fid-demm, li tqawwi l-pressjoni. Minbarra aperturi li jagħlqu l-ħoss sew, jgħin ukoll jekk wieħed iżid il-purtieri u t-twapet ħoxna fid-dar.

Tħallix ħafna mbarazz

Id-dehra ta’ ħafna mbarazz madwarek jista’ jżidlek il-livelli tal-cortisol, li huwa ormon tal-istress. Dan jista’ jkun minħabba li l-imbarazz jibgħat messaġġi konfliġġenti lill-moħħ li jrid jaħdem iktar biex jagħżel x’għandu verament bżonn. Livelli normali ta’ cortisol huma tajbin, iżda livelli kronikament għolja huma assoċjati mal-ansjetà, id-dipressjoni, l-uġigħ ta’ ras u nuqqas ta’ rqad. Għalhekk, jekk għandek ħafna oġġetti jiġru fil-kamra li qed taħdem fiha, ipprova erfagħhom ġo xi armarju jew poġġihom f’kamra oħra.

Qum u ċċaqlaq spiss

Għalkemm din tgħodd ukoll għal meta wieħed jaħdem f’uffiċċju jew post sedentarju ieħor, ftit japprezzaw kemm ikunu qed inaqqsu mill-eżerċizzju meta jibqgħu jaħdmu mid-dar. Jekk qabel kont timxi ftit sal-post tax-xogħol u lura, jekk kont titla’ xi taraġ jew timxi f’kurituri twal biex tmur għal-laqgħat, bit-telework dan kollu spiċċa, u l-uniku mixja li tispiċċa tagħmel tkun minn kamra għall-oħra fid-dar. Fejn possibbli wieħed għandu jarma skrivanija biex jaħdem parti mill-ħin bilwieqfa, u jieħu pawżi qosra biex jiċċaqlaq u jagħmel eżerċizzju ħafif.

Poġġi l-pjanti madwarek

In-natura hija assoċjata ma’ ħafna benefiċċji psikoloġici; tnaqqas il-pressjoni, l-ansjetà, l-istress, it-thewdin u ttejjeb l-attenzjoni, il-memorja u l-irqad. Il-pjanti u oġġetti naturali oħra fil-kamra fejn taħdem jistgħu jgħinuk għaliex jiġbdu l-attenzjoni tiegħek b’mod pożittiv, u mhux b’mod li jistressjak.

Żomm il-kuntatt soċjali

Filwaqt li fil-pandemija kulħadd huwa mħeġġeġ iżomm id-distanza soċjali, il-kuntatt ma’ persuni oħra huwa fattur li ħafna qed iħossu n-nuqqas tiegħu meta jaħdmu mid-dar, hekk kif għal ħafna nies il-maġġoranza assoluta tal-kuntatt soċjali tagħhom kien ikun fuq il-post tax-xogħol. Għalhekk wieħed għandu jagħmel sforz biex iżomm kuntatt soċjali mal-qraba, l-ħbieb u l-kollegi, anki jekk remotament.