Reliġjon
“Qed tiġi offruta d-droga biex il-bniedem ikun ferħan”

Il-ferħ hija t-tema tal-pastorali tal-Isqof Mario Grech fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Marija u l-Għeluq tas-Sena Marjana.

L-Isqof Grech jirrifletti dwar x’inhu dak li jagħmilna tassew ferħanin u dwar is-sena Marjana f’Għawdex li se tiġi fi tmiemha f’dawn il-jiem.

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech staqsa jekk il-fatt li llum il-bniedem għandu l-liċenzja li jagħmel li jrid ifissirx li aħna poplu aktar ferħan. Qal li għandu jħassibna li wasalna f’punt fejn il-bniedem qed jipproponi li l-kannabis jew il-marijuana jkunu legalizzati għall-użu rikreattiv, li fi kliem sempliċi jfisser li qed tiġi offruta d-droga biex il-bniedem ikun ferħan.

Fl-ittra pastorali fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Santa Marija u l-Għeluq tas-Sena Marjana, imsejħa ‘Marija t-Triq tal-Ferħ’, l-Isqof Grech qal li waħda mill-kawżi tan-nuqqas ta’ ferħ hija l-fatt li kulma jmur il-bniedem qiegħed jinqata’ għalih waħdu.

Huwa staqsa jekk hux tassew minnu li Malta huwa fost l-aktar pajjiżi fid-dinja fejn wieħed jgħix ferħan. Monsinjur Grech qal li llum ħafna qed jistaqsu x’inhu l-ferħ, iktar u iktar meta bħal donnu l-ferħ veru qed jiskarsa. Osserva li madwarna hawn sitwazzjonijiet ta’ diqa li jtaqqlu l-moħħ u l-qalb. Semma d-diffikultajiet li għaddejjin minnhom koppji miżżewġa u t-tkattir tal-problemi soċjali li qed iżidu sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ saħħa mentali.

Fl-ittra pastorali, l-Isqof Grech kiteb li hawn diversi persuni li minkejja li ħajjithom hija għat-telgħa, jagħtu xhieda li l-fidi f’Alla tagħtihom ħafna tama li timliehom bil-kuraġġ u l-faraġ. Saħaq li l-pjaċir mhux ferħ u li min jiltaqa’ ma’ Ġesù jsib il-ferħ.

F’għeluq is-sena Marjana, Monsinjur Grech jgħid li matul din is-sena kien hemm diversi mumenti li kebbsu fina d-devozzjoni Marjana.

Semma mumenti qawwija bħal meta grupp ta’ priġunieri ltaqgħu mal-Madonna fis-Santwarju ta’ Pinu. Qal li min irid ikun tassew ferħan m’għandux jibża’ jieħu lill-Marija għandu. Saħaq li ħadd m’għandu jirrassenja ruħu għad-dwejjaq.

Is-Sena Marjana se tiġi fi tmiemha fil-ġimgħa ta’ Santa Marija bi tliet ċelebrazzjonijiet, li r-rettur tas-Santwarju ta’ Pinu, Fr Gerard Buhagiar qal se jibdew lejlet Santa Marija. Is-Sibt, imbagħad se jsir il-kunċert bi spirtu żgħażugħ Il Mondo Canta Maria u l-Ħadd se jitkanta inno akathistos li nkiteb fil-ħames seklu.

Ir-Rettur tas-Santwarju ta’ Pinu, Fr Gerard Buhagiar qal “kien ġie tradott mill-isqof u qatt minsi Nikol Cauchi fil-lingwa Maltija u din is-sena għall-ewwel darba fuq kompożizzjoni u orkestrazzjoni tas-surmast John Galea se jiġi esegwit u dan qed nagħmluh f’unità ekumenika mal-Knijsa tal-Orjent.”

Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet se jsiru fuq iz-zuntier tas-Santwarju ta’ Pinu f’Għawdex.

Aħbarijiet Oħra
Festi

Fid-dawl tal-każ tal-Kappillan Deo Debono li qed jiġi implikat fis-serqa ta’ arti sagra, is-sagristan tal-parroċċa kkonferma ma’ TVM li l-festi esterni ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta tħassru. Ikkuntattjat minn TVM,…

Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jemmen li l-Ewroparalamentari Nazzjonalisti ser jimxu mad-direzzjoni tal-partit u jivvutaw favur in-nomina ta’ Helena Dalli bħala Kummissarju Ewropew fl-aqwa interess tal-pajjiż. Intervistat ilbieraħ filgħaxija fid-Dar…

Lokali

Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli tistqarr li jkun żball jekk il-kannabis tiġi ppreżentata bħala sustanza li tista’ tintuża għal skop rikreattiv. Waqt il-programm Ras imb ras hija spjegat x’se jagħmel…

Aktar