Temp
“Qegħdin jgħidulna għalissa toħorġux ħlief għall-bżonnijiet” – Maltija fi Sqallija

Maltija li tgħix fi Sqallija rrakkuntat ma’ dan l-istazzjon li l-Isqallin qed jgħixu jiem ta’ inċertezza minħabba t-temp qalil li qed jaħkem l-inħawi.

Odette Cannataci tkellmet dwar kif l-awtoritajiet qed iwissu lin-nies biex ma joħorġux minn djarhom biex jevitaw il-periklu li qed jikkawża l-għargħar hekk kif diġà ħasad il-ħajja ta’ 3 persuni fil-jiem li għaddew.

Is-sitwazzjoni ta’ Sqallija u l-Calabria mhux mistennija titjieb minħabba li hija mbassra maltempata oħra fis-sigħat li ġejjin.

Sqallija fuq allerta massima minħabba r-riħ qawwi u l-maltemp qalil li qed jaħkem il-Lvant tal-gżira ġara tagħna u Kalabrija fin-naħa t’isfel tal-Italja.

It-temp apokalittiku tal-aħħar jiem ixxokkja lill-Isqallin, tant li l-ħajja waqfet ħesrem, bi ħwienet u skejjel magħluqin. Odette Cannataci hija Maltija li tgħix fi Sqallija u rrakkontat maċ-Ċentru tal-Aħbarijiet kif qiegħda tgħix din is-sitwazzjoni.

“Bħalissa hawn it-tensjoni,” qalet Odette. In-nies qegħdin jibżgħu għax ma jafux x’se jiġri minn minuta għal oħra, ċioe prattikament qed jgħidu li dan bħal ċiklun, bħalissa qegħdin f’nofsu u għada qed nistennew l-aħħar biċċa.”

Odette ikkonfermat li s’issa kien hemm tliet imwiet. Żiedet li qed jaraw ħafna xita, u hekk kif tieqaf ix-xita jibda r-riħ.

“Qegħdin jgħidulna għal issa toħorġux – għall-bżonnijiet essenzjali biss, bħal spiżerija u sptar, u kemm jista’ jkun ma nużawx il-karozza.”

Tirrakkonta li l-agħar xena ta’ dan id-diżastru rawha fuq filmat, fejn raġel li kien f’karozza, meta ra li ma seta jagħmel xejn, ħareġ mill-karozza u mar taħtha, u nqabad hemm u miet hemmhekk. “Għax mhux kulħadd jiġih il-kuraġġ li jagħmel xi ħaġa… vera impressjonatni dik ix-xena.”

Odette qalet lil TVM li qatt ma raw xi ħaġa simili fi Sqallija, u sostniet illi l-Isqallin qed iħossu inċertezza dwar it-temp li se jaħkem l-inħawi fis-sigħat li ġejjin. Dan wara twissija li l-awtoritajiet qalulhom li l-Ħamis il-kundizzjonijiet tat-temp jistgħu jeħżienu, tant li wissewhom biex kulħadd jibqa’ d-dar.