Qegħdin napprezzaw biżżejjed lill-anzjani tagħna?

Kemm hu importanti l-valur soċjali u l-irwol tal-anzjani fis-soċjetà? Bħala poplu qegħdin napprezzaw biżżejjed lil dan is-settur tal-komunità? U dan mhux biss billi nesprimu mħabbitna lejn l-anzjani familjari tagħna iżda billi noħolqu spazji u attivitajiet fejn l-għerf ta’ din il-ġenerazzjoni jiġi apprezzat aktar. Popolin iddiskuta l-esperjenzi ta’ diversi anzjani, l-anzjanità u l-impatt pożittiv li tista’ tħalli fuq is-soċjetà preżenti.

Mistiedna waqt Popolin Charmaine Montesin, General Manager f’dar tal-anzjani u Kimberly Agius Cutajar, Activities and Events Manager spjegaw li b’mod ġeneriku ħafna jibżgħu mill-anzjanità biss fortunatament il-mentalità qeda bil-mod il-mod tinbidel dan għaliex in-nies qegħdin jgħixu iktar, għalhekk il-kontribut li jagħtu fis-soċjetà qiegħed jiżdied. “Naħseb li n-nies li jersqu lejn din l-età qed iħarsu lejn l-anzjanità b’mod iktar pożittiv milli kienu qabel”. Montesin spjegat li bħala soċjetà qegħdin nifhmu l-importanza tal-irwol tal-anzjani fil-komunità tagħna għalhekk qed jinħolqu iktar attivitajiet biex jintegraw lill-anzjani fis-soċjetà li qed iwassal biex l-anzjani jibqgħu iktar attivi.

Agius saħqet li sfortunatament għad hawn min jagħrafx ir-riżorsa li huma l-anzjani fil-komunità. Dan jidher l-iktar fil-perċezzjoni li għandhom ġenerazzjonijiet iżgħar. “Il-ħajja mgħaġġla ta’ llum qed iġġiegħel il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar iqattgħu inqas u inqas ħin ma ġenerazzjonijiet ikbar”.

Mistoqsija mill-preżentatur jekk għandhomx isiru strutturi li jippreparaw lil dak li jkun għall-anzjanità, Montesin tenniet li huwa importanti li wieħed jippjana xi jkun se jagħmel wara li jirtira u javvanza fl-età tiegħu, dan għaliex b’dan il-mod wieħed ikollu skop għaliex jgħix u mhux tintilef is-sbuħija tal-ħajja. Agius saħqet li hawn nuqqas ta’ għarfien dwar l-għażliet li wieħed ikollu meta jasal biex jirtira. Qalet li fix-xogħol tagħha tiltaqa’ ma’ diversi persuni li jidħlu jgħixu ġewwa residenza tax-xjuħ mhux għax jaslu f’punt li ma jistgħux jieħdu ħsieb tagħhom infushom imma jidħlu minħabba ċirkostanzi oħra li ħafna mid-drabi jwasslu li jidħlu ġo dar tal-anzjani b’ċertu mentalità negattiva li sfortunatament iġġiegħel lil dak li jkun jibda din l-esperjenza fuq nota negattiva, għaliex jaħseb li daħal ġo home għaliex m’għandux opzjonijiet oħra. Qalet li r-realtà hija waħda differenti għaliex meta tidħol f’komunità terġa tibda l-ħajja mill-ġdid għaliex tagħmel ħbieb ġodda u diversi attivitajiet li jgħinuk titgħallem tgħix ħajja ġdida, b’mod differenti.

Montesin qalet li bħala maniġment jaħdmu qatigħ biex jieħdu ħsieb lir-residenti olistikament biex minn naħa tagħhom jibqgħu jemmnu fihom infushom u mhux jaħsbu li għax kibru fl-età tilfu l-valur.