Sigurtà
Qerq bl-imħabba – 11-il persuna s’issa jitressqu l-Qorti

Bi pjattaformi bħal Facebook u s-siti ta-relazzjonijiet, l-Internet ħoloq mezz ġdid ta’ kif jinbtu stejjer ta’ mħabba.

Iżda fl-istess dinja virtwali qed joperaw organizzazjonijiet kriminali bl-għan li jqarrqu b’nies vulnerabbli u jiffrodawhom eluf ta’ ewro.

Dawn ma jsirux minn profil falz ta’ xi individwu iżda jidher li tkun manuvra mifruxa mad-dinja kollha speċjalment fil-kontinent Afrikan.

L-Ispettur Claire Borg mit-Taqsima tar-Reati Finanzjarji fil-Korp tal-Pulizija qalet ma’ TVM li f’Malta s’issa tressqu l-11-il persuna l-Qorti mixlija b”romance fraud’

“Hemm struttura li tinvolvi ħafna nies kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Mill-investigazzjoni wasalna li mmexxija minn gruppi Niġerjani però kulħadd jista’ jkun suġġett għall-dawn l-iscams”.

Fost il-vittmi ta’ dan it-tip ta’ reat anzjana ta’ ‘l fuq minn 70 sena li ġiet ffrodata aktar minn €58,000 wara li daħlet f’relazzjoni virtwali ma’ taparsi suldat Amerikan li talabha tgħinu fil-flus sabiex wara jtemm l-impenji militari fl-Afganistan jiġi jgħix f’Malta. B’rabta ma dan il-każ il-Pulizija ressqet sitt irġiel fil-Qorti.

L-Ispettur Serah Zerafa qalet ma’ Television Malta li dawn iċ-ċrieki kriminali fin fin jistadu l-vittmi tagħhom minn dettalji li jitniżżlu fuq il-profili tal-midja soċjali bħal persuni li jiddikjaraw li huma romol jew ‘single’.

“Jista’ jkun jibdew isaqsu fuq il-familja tagħha jekk din tgħix waħedha u ċertu informazzjoni jkunu qed jeħduha jaħsbu li qed jibnu hbiberija però jkunu qed jieħdu l-informazzjoni li jkollhom bżonn u għalhekk dejjem jaraw dawk iċ-ċertu punti minn ħajjitha fejn hi vulnerabbli”.

Hija żiedet li meta tkun qed titkellem ma’ persuna mhux ma tibnix relazzjoni imma hemm limitu u ma tistax taqbad u tafdahom. Trid tistaqsi għalfejn qed jistaqsu dawn l-affarijiet għax dan ir-reat ma jsirx minn persuna waħda.

L-Ispettur Borg appellat biex kulħadd joqgħod attent meta jidħol f’relazzjonijiet virtwali u qalet li ħafna drabi l-frodisti jġibu l-iskuża ta’ kawża medika jew inkella biex jixtru xi rigal.

F’dan l-isfond qalet li qatt  m’għandek taqsam ma’ ħaddieħor id-dettalji bankarji b’mod speċjali n-numri tal-kont tal-bank.