Lokali
“Qisni rajt tat-twin towers”, “qisha xena ta’ film” – residenti minn G’Mangia

Il-familji residenti fil-bini li ġġarraf il-lejl li għadda fi Gwardamanġa u l-ġirien tagħhom jinsabu ttrawmattizzati, li minħabba dak li ġara spiċċaw b’ta’ fuqhom senduqhom. Huma esprimew rabja kbira għaliex qalu li kienu ilhom jirrappurtaw lill-awtoritajiet li bit-tħaffir kienet qed issir ħsara fil-bini tagħhom. Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li se tingħata għajnuna immedjata lir-residenti milquta u li waqt li jistenna l-konklużjoni tal-investigazzjonijiet se jiżgura li jekk xi ħadd naqas mir-responsabiltà tiegħu jrid iwieġeb għaliha.

Ir-residenti fi triq it-telgħa Gwardamanġa għadhom maħkuma minn trawma wara li għall-ħabta tal-10.20 tal-Erbgħa filgħaxija spiċċaw fit-triq wara li blokk ta’ tliet appartamenti ġġarraf. Ħdejh qed isir tqattiegħ tal-blat f’sit tal-kostruzzjoni. B’xorti tajba ħadd ma weġġa’ għaliex it-tliet familji residenti laħqu ħarġu mill-appartamenti meta ħassew il-bini jċedi b’ħafna konsenturi mal-ħitan. Il-binja nvoluta tinsab ftit ‘l isfel mill-ex kamra mortwarja tal-Isptar San Luqa fejn kienu jsiru t-testijiet orali għal-liċenzja tas-sewqan li għalissa ġew sospiżi.

Ir-residenti qalu li wara li kienu ilhom ġimgħat jirrapurtaw konsenturi ħadd ma ta widen għal dak li ilhom jgħidu.

Carol Micallef li toqgħod f’appartament fil-qrib qalet li dak il-ħin flimkien ma’ żewġha Winston u l-kelba ħarġu jiġru bil-piġama wara li semgħu l-bini tal-ġirien jaqa’. Bħalhom għamlu diversi ġirien oħra. Rosanne Lanzon spjegat kif ħuha ħelisha bi żbrixx għalkemm spiċċa b’ta’ fuqu senduqu.

Rosanne Lanzon qalet “qam, beda jara l-kċina b’foga, bit-trab nieżel, qisha xena ta’ film. Infetħu l-konsenturi u ra l-ġebel nieżel u sakemm niżlu fuq il-bakina niżel kollox, baqa’ b’xejn”.

Alan Brown li joqgħod eżatt biswit il-bini li ġġarraf qal li malli sema’ l-ħoss beda jgħajjat biex kulħadd joħroġ mill-bini.”F’daqqa waħda qisni rajt tat-twin towers. Dak it-trab għaddej u l-pulizija jiġru ‘l isfel, ħadt xokk għax ommi għandha 80 sena”.

Mara Taljana b’tifla ta’ sentejn, u li qed tistenna tarbija, spiċċat ukoll barra mid-dar. Jessica Rossitto qalet “I didn’t see nothing for 2 minutes, saw police and told me to go outside and I was very afraid”.

It-tiġrif tat-tliet appartamenti wasal biex iż-żona ġiet evakwata, bil-Pulizija u membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili bdew jivverifikaw li fil-binja ma kienx fadal persuni u li kulħadd kien qawwi u sħiħ.

Daqs għaxar minuti wara li l-binja ġġarrfet, reġa’ nstema’ ħoss ieħor ta’ aktar ġebel jaqa’. Il-knatan laħqu sa nofs it-triq u radmu vann li kien ipparkjat quddiem l-appartamenti. Fuq il-post, kien hemm kommossjoni kbira min-nies taż-żona li ma’ TVM esprimew rabja kbira lejn l-effetti tal-kostruzzjoni. Resident ikkummenta li għalih kienet grazzja kbira li ma spiċċax trab bħal ġebel li spiċċa fit-triq.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għamilha ċara li jekk hemm responsabbiltajiet x’jintrefgħu, il-Gvern se jara li dan iseħħ.

Dr Joseph Muscat qal “tlabt rapporti dwar jekk kienx hemm rapporti mill-ġirien. Daħlet il-housing authority biex il-familji ma jkunux qed ibatu. Żgur li mhux se nħallu sitwazzjoni fejn jekk hemm responsabbiltajiet dawn ma jinġarrux.”

Fi stqarrija flimkien, il-Ministeri tal-Intern, tal-Infrasturttura u tal-Familja qalu li barra li għaddej l-investigazzjoni tal-pulizija, il-Gvern qed jiġbor l-informazzjoni mingħand diversi awtoritajiet. Intqal li skont il-Building Regulation Office, il-kuntrattur tal-binja li qed tinbena issotometta d-dokumenti kollha meħtieġa skont il-liġi. Fl-istqarrija ntqal ukoll li skont dan l-uffiċċju jidher ukoll li ma waslux rapporti kontra dan il-kuntrattur.

Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal li qed isir il-moniteraġġ meħtieġ biex il-bini li jmiss ma’ fejn qed isir it-tħaffir ikun assigurat minn xi perikli li jista’ jkun hemm.

Ara wkoll:

L-Awtorità tad-Djar toffri l-għajnuna lill-familji milquta mit-tiġrif fi Gwardamanġa

Aħbarijiet Oħra
Storja

Magna ta’ ajruplan tal-gwerra, li possibilment iġġarraf fit-Tieni Gwerra Dinija, kienet irkurprata minn qiegħ il-baħar fil-bokka tal-Port il-Kbir wara ħidma konġunta bejn l-Università ta’ Malta, Heritage Malta u l-Forzi Armati….

Teknoloġija

Wara l-ajruplani, issa anke l-vetturi bdew jiġu jiġu mgħammra b’kaxxa sewda, li normalment tkun f’nofs il-vettura. Għalkemm s’issa din mhijiex obbligatorja, aktar manifatturi tal-karozzi qed jinkluduha. Fost aktar miżuri biex…

Infrastruttura

Waħda mill-kawżi ewlenin ta’ ħruġ ta’ drenaġġ fit-triq u fil-baħar ġejja minn katusi tal-ilma tax-xita li qed jitqabbdu direttament mas-sistema tad-drenaġġ. Jirriżulta li ħafna ma jafux li dan hu l-każ…

NGOs

Seba’ għaqdiet mhux governattivi Maltin se jwettqu tmien proġetti fl-Afrika bl-għajnuna ta’ madwar nofs miljun ewro mill-programm tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Il-proġetti jvarjaw minn skola ġdida għall-bniet f’żona rurali…

Aktar