Barranin
Qorti fi Spanja tagħti kustodja konġunta ta’ kelba lil koppja separata

Qorti fi Spanja tat kustodja konġunta ta’ kelba lil koppja li marret il-qorti biex tiddetermina ma’ min għandha tgħix ladarba jisseparaw.

Il-qorti f’Madrid qieset li kemm il-mara u kemm ir-raġel kienu responsabbli għall-kelba li ġġib l-isem ta’ Panda.

L-avukat li ressqet dan il-każ il-qorti sejħet din id-deċiżjoni “bla preċedent”.

Fil-preżent Spanja qiegħda tabbozza liġi ġdida bil-għan li l-annimali ma jibqgħux jitqiesu bħala oġġett u jibdew jiġu rikonoxxuti legalment bħala “entità ħajja”.

Dan l-istatus jagħmilha iktar faċli għas-sieħeb jew għas-sieħba biex jitlob il-kustodja konġunta ta’ annimali wara li tintemm ir-relazzjoni.

L-Avukat Lola Garcia qalet li din id-deċiżjoni kienet importanti għax il-klijenta tagħha mhux biss ġiet iddikjarata li kienet is-sid ta’ Panda flimkien mas-sieħeb tagħha, iżda kienet ukoll responsabbli għall-kura tal-kelba.

Fil-qorti hija ppreżentat il-kuntratt ta’ adozzjoni ta’ Panda, il-kontijiet tal-veterinarju u ritratti li kienu juruhom it-tlieta flimkien qishom familja, l-istess daqslikieku kienu familja bi tfal.

Il-Qorti ddeċidiet li l-evidenza fil-proċeduri kienet turi relazzjoni ta’ mħabba bejn il-mara u l-kelba li kien jistħoqqilha kustodja legali.

B’din id-deċiżjoni, Panda se tkun qed tgħix xahar mar-raġel u xahar mal-mara.