Qorti Indjana ssib ħames irġiel ħatja ta’ stupru ta’ Daniża f’Delhi

Qorti Indjana fil-kapitali Delhi, sabet ħames irġiel ħatja li stupraw mara Daniża fl-2014. Is-sentenza mistennija tingħata nhar il-Ħamis. It-turista ta’ 51 sena sfat misruqa u stuprata fl-14 ta’ Jannar 2014.

It-turista tilfet it-triq hija u sejra lura lejn il-lukanda fiż-żona ta’ Paharganj u talbet xi rġiel biex jindikawla d-direzzjoni.

Disa’ persuni, inkluż tliet minuri kienu arrestati għal dan ir-reat. Wieħed mill-akkużat miet fi Frar. Il-minuri qed jgħaddu proċeduri separati f’Qorti għall-minorenni.

Mill-każ tal-istupru u l-qtil minn grupp rġiel ta’ studenta fuq xarabank f’Delhi fl-2012 ‘l hawn, fl-Indja ħraxu l-azzjonijiet kontra l-vjolenza sesswali. Minkejja dan attakki sesswali kontra nisa u tfal baqgħu jiġu rraportati madwar il-pajjiż kollu.