Lokali
Qraba ta’ Agatha Barbara jagħtu affarijiet tagħha lill-Università ta’ Malta

Il-familja ta’ Agatha Barbara, l-ewwel President mara ta’ Malta taw id-dokumenti li kellha biex jiġu arkivjati mill-Università ta’ Malta u jkunu aċċessibbli għall-pubbliku. TVM tkellem man-neputija ta’ Agatha Barbara, Jane Chircop li qalet li kienet xewqa ta’ zijitha li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti tagħha.

L-Università ta’ Malta bdiet proġett biex tiddokumenta l-ħajja tal-mara fl-akkademja li għandha storja ta’ mitt sena meta mill-Universita ta’ Malta saret l-ewwel gradwazzjoni ta’ mara bħala qabla. L-ewwel dokumenti għal dan id-depożitorju ngħataw mill-familja ta’ Agatha Barbara li kienet l-ewwel mara li daħlet fil-politika u anke laħqet President ta’ Malta.

Fost l-arkivji ppreżentati hemm għadd ta’ dokumenti li jixhdu l-ħidma tagħha kemm bħala Ministru u anki bħala President, u saħansitra t-taħrika meta s-sinjorina Barbara weħlet xahar ħabs minħabba s-sehem tagħha fl-irvellijiet fl-1958, Agatha Barbara. TVM tkellem man-neputija ta’ Agatha Barbara Jane Chircop li trabbiet magħha f’ Ħaż-Żabbar.

Jane Chircop qalet “dejjem nafha tirsisiti, qatt ma qagħdet minuta kwieta, qas meta rtirat”.

Is-sinjura Chircop qalet li zijitha Agatha għallmitha ħafna. “Kienet tgħidilna studjaw għax it-tagħlim li titgħallmu ħadd mhu se joħodulkom”.

F’ċerimonja fl-Università l-antika l-Belt Valletta fejn ġew ippreżentati l-arkivji ta’ Agatha Barbara, bosta li fakkru l-memorja tagħha għax kienu jafuha mill-qrib, fosthom il-Professur Carmen Sammut li qalet kif is-sinjorina Barbara kienet qaltilha personalment li qed togranizza d-dokumenti tagħha għax tixtieq tħalli l-legat tagħha aċċessibbli għall-pubbliku.

Prof Carmen Sammut qalet “bħalissa bdejna nagħmlu ripożitorju biex niġbru karti ta’ nisa sifikanti fil-qasam politiku u kulturali tal-pajjiż”.

Il-Professur Dominic Fenech, li kien jafha mil-qrib qal li Agatha Barbara ħalliet marka fl-istorja politika tal-pajjiż. Qal li kellha għal qalbha nies li bdew mix-xejn u li rnexxielhom javvanzaw ħafna fil-mixja akkademika jew karriera tagħhom, fosthom tifel li bl-għajnuna tagħha sar tabib tal-familja.

Ir-rettur tal-Università Professur Alfred Vella qal li d-donazzjoni tal-familja ta’ Agatha Barbara se tkun essenzjali ħafna għall-istudjużi, u għar-ricerkaturi tal-istorja. Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi Julia Farrugia Portelli qalet li Agatha Barbara serviet ta’ ispirazzjoni kbira għaliha filwaqt li sostniet li l-mixja politika tal-mara Maltija timmerita studju profond fid-dawl tar-riforma għal emendi legali u kostituzzjonali għal rappreżentanza ta’ iktar nisa fil-Parlament.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Fl-isfond ta’ żviluppi li seħħew fl-aħħar ġimgħat, il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte mhux se jkollu working lunch privat li kien ippjanat ikollu f’Ruma mal-Prim Ministru Joseph Muscat. L-uffiċju tal-Prim Ministru…

Kronaka

Raġel ta’ 42 sena minn Ħal Qormi weġġa’ f’inċident bil-gaffa fl-impjant tal-iskart fil-Magħtab. Il-Pulizija qalet li kienet infurmata bl-inċident għall-ħabta tat-2.45pm. Fuq il-post marru l-Pulizija u anki membri tal-Protezzjoni Ċivili,…

Avjazzjoni

F’dawn il-jumejn f’Malta qed titlaqqa’ l-konferenza internazzjonali tal-Avjazzjoni msejħa CAPA, li qed tiddiskuti l-isfidi li hemm fis-settur tal-avjazzjoni. Għal din il-konferenza qed jattendu madwar 100 delegat minn madwar id-dinja, fosthom…

Aktar