Kronaka
Qraba tal-carer sospiż imnikkta – jinsistu li l-anzjan ħabat wiċċu mas-sodda meta kien se jaqa’

Wara li carer f’San Vincenz se Paule ġie sospiż fuq allegazzjonijiet li abbuża anzjan, qraba tal-carer tkellmu ma’ TVM dwar dak li jinsistu li seħħ dakinhar, kif ukoll it-tbatija li għaddejjin minnha fuq allegazzjonijiet li jgħidu li huma għal kollox foloz.

Kollox beda minn ritratt li ttella’ fuq il-midja soċjali, li kien juri anzjan b’feriti fuq naħa waħda ta’ wiċċu. Il-persuni li tellgħu r-ritratt insinwaw li dan kien każ t’abbuż li seħħ f’San Vincenz.

Viżibbilment imbikkma, membru tal-familja tal-carer qalet li l-affarijiet ġraw l-oppost ta’ dak li ġie allegat. Qalet li dan kien inċident sfortunat, fejn il-carer kien jinsab waħdu qed ipoġġi lill-anzjan fis-sodda, meta llarga għal ftit biex idur b’pazjent ieħor. Sadanittant l-anzjan iċċaqlaq u kien se jaqa’ mis-sodda, bil-carer jiġri lejh u jaħtfu biex ma jaqax mal-art. Ġara iżda li l-anzjan laħaq ħabat wiċċu mal-barriers tas-sodda.

Din il-persuna saħqet li l-anzjan lanqas biss jitkellem u allura żgur ma kienx hu li għamel allegazzjonijiet foloz. Qalet li l-carer, minkejja li għaddej minn żmien ikrah u lanqas biss qed jiekol, qiegħed kontinwament jistaqsi biex jara kif għadda l-anzjan wara l-ġrieħi li sofra.

Żiedet tgħid li l-carer ilu ħames snin jaħdem f’dan il-post, u li ġieli saħansitra jibqa’ wara l-ħin tax-xogħol biex jgħin b’mod volontarju.

L-istess persuna qalet li l-familja tal-carer tinsab ixxukkjata bil-kummenti kiefra li saru fil-konfront tiegħu, tant li l-carer u s-sieħba tiegħu, li għandha seba’ xhur tqala, ħassru l-profil ta’ Facbook fuq parir tal-Pulizija biex jevitaw li jkunu vittmi ta’ bullying u vendikazzjonjiet.

Din il-persuna esprimiet ukoll dispjaċir għan-nuqqas ta’ kameras tas-sigurtà fis-swali, u sostniet li kieku dawn kienu preżenti bħal ma jkunu f’postijiet oħra bħal playschools, dan il-carer ma kienx jiġi sospiż intortament.

TVM tkellem ukoll ma’ membru tal-familja tal-anzjan, li qalet li ma jixtiqux jikkummentaw waqt li għadha għaddejja l-investigazzjoni. Sostniet li tixtieq biss li ssir ġustizzja.

Intant, kelliem għas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva qalet li l-anzjan se jiġi rilaxxat minn Mater Dei iktar tard illum, u se jkun qed jirritorna fir-residenza San Vincenz de Paule.

Ara wkoll:

Carer sospiż wara allegat abbuż fuq anzjan

Aħbarijiet Oħra
Immigrazzjoni

Matul il-lejl, grupp ta’ 61 immigrant mistennija jiddaħħlu Malta wara li sabu ruħhom f’diffikultà bejn sema u ilma. Stqarrija tal-Forzi Armarti qalet li ċ-ċentru tal-kordinazzjoni tas-salvataġġ Maltiillum tard waranofsinhar kien…

Infrastruttura

Il-pontijiet li jaqsmu l-ibliet u jħaffu t-traffiku huma meħtieġa iżda l-manutenzjoni tagħhom hija daqstant importanti biex jiġu evitati diżgrazzji. Ftit tal-ġimgħat ilu Infrastructure Malta lestiet l-ewwel fażi ta’ tisħiħ tal-Pont…

Ambjent

Wara li f’lejlet Santa Marija nirien ħakmu l-Maqluba fil-Qrendi u għal diversi jiem ma kinux ntfew għalkollox, l-espert fil-biodiversità, Alfred Baldacchino, qal li l-ħsara li saret m’hijiex biss fis-siġar li…

Aktar