Kisbiet
‘Qrib li nwaqqfu tim nazzjonali tal-Wheelchair Basketball’ – Noel Aquilina

Tnax-il ritratt ta’ persuni b’diżabilità huma l-wiċċ ta’ kampanja mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità maħsuba biex turi t-talenti u l-aspirazzjonijiet tagħhom fil-ħajja, fosthom fl-isport, ix-xogħol u passatempi.

Television Malta tkellem ma’ tnejn mill-parteċipanti f’din il-kampanja. Isostnu li minkejja d-diżabilità tagħhom, kapaċi jgħixu ħajjithom u jiġru wara l-ħolm tagħhom.

Noel Aquilina twieled bi spina bifida. Disa’ snin ilu, it-tobba qatgħulu parti minn riġlejh ix-xellugija minħabba infezzjoni fl-għadam. Il-faxxinu lejn il-basketball iżda baqa’ jbaqbaq fih.

”Is-soċjetà tista’ tħares lejja bħala persuna li ma nistax nilgħab fejn jidħol ġiri jew ma nistax nikkowċja fejn jidħol ġiri. Però jien nikkowċja r-running basketball.”

Wara li għamel it-teżi fuq il-Wheelchair Basketball, Noel Aquilina waqqaf assoċjazzjoni għal dan l-isport. Għal Noel Aquilina, il-pass li jmiss hu t-twaqqif ta’ tim nazzjonali tal-Wheelchair Basketball.

”Ikollna tim li forsi jkun qiegħed ukoll anke jikkompetti barra minn Malta.”

Tgħix il-ħajja bl-istess determinazzjoni, Christine Mifsud li għalkemm b’nuqqas ta’ dawl, tħobb ħafna l-kċina . . . speċjalment l-ispaghetti bil-fenek.

”Ngħid lil tal-ħanut jaqtagħli l-affarijiet kif irridhom jien biex nagħrafhom żgur u nibda nsajjar. Ovvjament inħoss ħafna b’idejja.”

Omm ta’ tewmin, Christine Mifsud tgħid li bit-teknoloġija u l-guide dog tagħha Dora, tista’ tagħmel dak kollu li tixtieq f’ħajjitha.

”Dik hija l-kelma normali. Inti tkun tista’ tkompli l-affari tiegħek mingħajr ħafna għaġeb, mingħajr ma jkollok bżonn ħafna għajnuna u tagħmilha xorta.”

Noel Aquilina u Christine Mifsud huma tnejn minn 13-il persuna b’diżabilità protagonisti fil-kampanja ‘Different is Normal’ b’ritratti tagħhom meħuda mill-fotografu Darrin Zammit Lupi. Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Oliver Scicluna, spjega l-ħsieb tal-kampanja.

”Ma rridx li l-Kummissjoni l-wiċċ tagħha dejjem inkun jien. Irrid li jkunu n-nies hemm barra li fl-aħħar mill-aħħar jien qed inkun il-vuċi tagħhom.”

Il-Kummissjoni qed tippjana biex fiż-żmien li ġej torganizza inizjattivi simili biex iktar persuni b’diżabilità juru l-abbiltajiet tagħhom fl-apert.