Lokali
ARA: Il-Fulu, iċ-Ċiniż u l-Koħħu jwieġbu mhux ħatja tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

L-akkużati jwieġbu mhux ħatja

Alfred Degiorgio magħruf bħala “il-Fulu” ta’ 53 sena u ħuħ George Degiorgio “iċ-Ċiniż ta’ 55 sena – it-tnejn joqgħodu San Pawl il-Baħar – u Vince Muscat magħruf bħala l-“Koħħu” ta’ 55 sena mill-Imsida tressqu l-Qorti akkużati li qatlu lill-ġurnalista Daphne Caruana Galiza permezz ta’ karozza bomba fil-Bidnija fis-16 ta’ Ottubru. Huma tressqu l-għada ta’ ħidma delikata u konġunta bejn il-Pulizija, il-Forzi Armati u s-Servizzi tas-Sigurta.

It-tliet irġiel ġew skortati lejn il-ħabs

Quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri, it-tliet akkużati wieġbu li mhumiex ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra u baqgħu miżmuma arrestati.  L-akkużi li qed jiffaċċjaw it-tliet irġiel huma li assoċċjaw ruħom ma’ xi persuni Maltin u barranin  biex iwettqu dan id-delitt. Ma saret ebda talba għall-ħelsien mill-arrest u t-tliet akkużati ttieħdu taħt skorta lejn il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Kienu ftit qabel l-10.00 pm tat-Tlieta x’ħin it-tliet akkużati nħarġu mil-lock up tal-Pulizija fid-Depot u taħt sigurtà stretta ttieħdu mill-Floriana sal-Belt taħt skorta qawwija bil-Pulizija armati, u ddaħħlu min-naħa ta’ wara tal-Qorti.

Preżenti fl-awla, minbarra numru kbir ta’ Pulizija, kien hemm ir-raġel ta’ Daphne Caruana Galizia, Dr Peter Caruana Galizia, li indika lill-Qorti li qed jidher bħala avukat għan-naħa tal-familja tiegħu flimkien mal-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia.

It-tliet akkużati assistiti mill-avukat tal-għajnuna legali

Il-Qorti appuntat lil Dr Benjamin Valenzia bħala avukat tal-għajnuna legali, hekk kif it-tliet imputati xtaqu li jkunu assistiti minn avukat.  It-tliet imputati ikkontestaw l-arrest għax qed jisħqu li ngħataw il-mandat ta’ arrest 36 siegħa wara l-arrest.

Iżda l-Ispettur Keith Arnaud qal li meta ġew arrestati fil-Marsa fit-8.15am ġew infurmati li jinsabu taħt arrest u wara ġew infurmati għala ġew arrestati skont il-mandat u dan fuq il-qtil ta Daphne Caruana Galiza. L-Ispettur Arnaud qal li t-tliet akkuzati nstabu fl-istess tinda.  Il-Qorti qalet li l-arrest huwa kkonvalidat.

Ara hawnhekk il-filmati tal-akkużati jitressqu l-Qorti:

Iktar kmieni

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li l-persuni l-oħra li ġew arrestati fl-operazzjoni tal-bieraħ se jingħataw police bail, skont il-liġijiet tal-pajjiż.  Ilbieraħ il-Pulizija flimkien mal-Forzi Armati bdiet operazzjoni fl-4am fuq postijiet li kienu qed jiġu osservati matul l-aħħar ġimgħat.

Spjegat li l-operazzjoni saret fuq diversi postijiet b’mod simultanju, b’mod partikolari, fil-Marsa, Ħaż-Żebbuġ, San Pawl il-Baħar, l-Imsida u l-Mosta.  Waqt l-operazzjoni l-Pulizija marru f’diversi postijiet oħra fejn saru tfittxijiet estensivi u ġew elevati diversi provi oħrajn li għandhom jgħinu lill-Pulizija fil-każ tagħha.

Żiedet tgħid li l-FBI, il-Europol u n-National Investigations Bureau tal-Finlandja, kollha pprovdew għajnuna importanti ħafna biex il-Pulizija Maltija tasal għall-arresti ta’ persuni li se jkunu qed jitressqu b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ara wkoll:

Kien SMS li kkawża l-isplużjoni fatali fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia

Qtil DCG: Min huma t-tliet irġiel li mistennija jitressqu l-Qorti?

Arresti Marsa: Jittellgħu oġġetti mill-baħar li jistgħu jservu ta’ prova

Aħbarijiet Oħra
Immigrazzjoni

164 pajjiż fosthom Malta iffirmaw dak li qed jissejjaħ Patt Globali dwar l-Immigrazzjoni Ordnata u Regolari. Waqt ċerimonja f’Marrakech fil-Marokk, intqal li dan il-patt se jwassal għall-immaniġġjar aħjar tal-migrazzjoni f’tentattiv…

Lokali

L-iskart organiku li beda jinġabar fl-aħħar xahar u nofs diġà qed jiġġenera l-enerġija daqskemm tintuża minn aktar minn 6,000 familja. Il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv David Borg qal lil TVM li l-iskema…

Lokali

L-Awditur Ġenerali innota li t-tisħiħ fil-liġi tal-volontarjat li saru din is-sena għandhom isaħħu jdejn il-Kummissarju tal-Volontarjat fil-funzjoni regolatorja u l-governanza fis-settur tal-volontarjat. F’rapport li ppreżenta lill-Parlament, l-Awditur Generali Charles Deguara…

Lokali

Għalkemm qed ngħixu f’dinja li saret raħal u miżgħud b’mezzi teknoloġiċi, qed tikber il-pjaga tas-solitudni u magħha l-esklużjoni soċjali. Il-problema tinħass fil-faxex kollha tas-soċjetà, mit-tfal sal-anzjani u taf tiggrava fiż-żminijiet…

Aktar