Kronaka
Qtil Ħal Far: Il-vittma miet b’tir f’rasu

Tard ilbieraħ billejl, immigrant tal-Kosta tal-Avorja nqatel b’tir f’rasu u tnejn oħra mill-Ghana ndarbu serjament fi sparatura misterjuża minn karozza li kienet qed tinstaq minn triq diżabitata fi triq li minn Ħal Far twassal sa Birżebbuġa. Il-Pulizija għadha qed tfittex il-karozza u l-persuni li kienu fiha waqt li għadha qed tkellem mal-vittmi li jinsabu rikoverati l-isptar sabiex ikun stabbilt il-mottiv tal-isparatura.

Il-Pulizija qed tfittex karozza ta’ lewn abjad u l-persuna jew persuni li allegatament minnha fetħu n-nar fuq tliet immigranti li jgħixu fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far u qatlu raġel ta’ 42 sena mill-Kosta tal-Avorju b’tir f’rasu. Żewġt irġiel oħra mill-Ghana ntlaqtu wkoll minn tir kull wieħed. L-isparatura seħħet fi Triq il-Ġebel f’Birżebbuġia għall-ħabta tal-11pm tas-Sibt filgħaxija.

Din it-triq pjutost diżabitata tgħaqqad lil Birżebbuġa ma’ Ħal Far sa quddiem iċ-Ċentru Miftuħ. Il-qtil seħħ f’nofs din it-triq, li hija frekwentata mill-immigranti taċ-ċentru miftuħ f’Ħal Far.

Il-Pulizija għaddejja bl-istħarriġ sabiex tiġi stabbilità d-dinamika tal-każ, li qed jiġi ttrattat bħala omiċidju. Kollox beda ftit qabel il-ħabta tal-ħdax ta’ filgħaxija meta il-Pulizija ġiet infurmata li kienu ġew sparati tiri fi Triq tal-Ġebel, f’Birżebbuġa. Fuq il-post waslu l-Pulizija fejn sabu persuna maqtula u żewg persuni oħra feruti.

Minnufih l-pulizija għalqu t-triq minn kull tarf biex ma tiġiex kkontaminata x-xena tar-reat waqt l-investigaturi u l-esperti forensiċi bdew ifittxu għal kull ħjiel li jista’ jitfa’ dawl fuq dan id-delitt li l-mottiv tiegħu għadu mhux magħruf. Nifhmu li l-Pulizija qed teżamina filmati ta’ kameras tas-sigurtà li hemm imwaħħlin mal-faċċati ta’ residenzi privati fl-istess triq sabiex tiġi ddentifikata l-karozza li ntużat.

Il-Pulizija ġew infurmati bl-isparatura minn wieħed mill-vittmi midruba. Huwa rrapporta li waqt li kienu mexjin lejn iċ-Ċentru Miftuħ, għaddiet karozza li kienet qed tinstaq minn Ħal Far u minn naħa tal-passiġġier, ġew sparati għadd ta’ tiri.

Fuq il-post, fi Triq tal-Ġebel, marru l-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u tad-Distrett, fejn sabu lill-immigrant mill-Ghana midrub b’ferit ikkaġunati minn arma tan-nar. Minħabba l-feriti li kellu, issejħet ambulanza fejn ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura. Sakemm il-Pulizija kienet għadha fuq il-post ġiet infurmata li fl-istess triq, x’aktar kien hemm iżjed persuni feruti.

Fil-fatt instab raġel ieħor ferut li ġie ddentifikat li huwa wkoll mill-Ghana. Fuq il-post issejħet ambulanza oħra li ħaditu l-Isptar Mater Dei. Iż-żewġt irġiel sofrew ġrieħi serji, iżda ma jinsabux fil-periklu tal-mewt.

Waqt li l-Pulizija kienet qed tassisti lit-tim mediku, innutaw li fl-istess triq kien hemm raġel ieħor, li kien mixħut f’nofs it-triq f’għadira demm. Malli resqu lejh deher bla ħajja. Huwa ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post. Il-vittma huwa immigrant mill-Kosta tal-Avorju.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mill-Assistent Kummisarju Kevin Farrugia u l-Ispettur Keith Arnaud mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, assistiti mill-Assistent Kummissarju Sandro Gatt, is-Supretendent Josric Mifsud u l-Ispettur Melvyn Camilleri tad-Distrett.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Rachel Montebello li ħatret diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta.

Dan huwa t-tieni omiċidju fl-aħħar ġimgħa, wara l-qtil doppja ta omm u bintha f’Ħal Għaxaq.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Jidher li l-partiti għamlu ħidma akbar biex jiġu eletti aktar nisa eliġibbli għall-kandidatura anke fost il-partiti ż-żgħar fuq livell Ewropew. Il-Professur Carmen Sammut qalet li fuq livell Ewropew, il-“family friendly…

Politika

Il-Membru Parlamentari għall-Partit Laburista Alex Muscat qal li r-riżultat ta’ din l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew huwa l-ewwel ġudizzju tal-poplu wara l-każ Egrant. Dan Alex Muscat qalu waqt il-programm Insights immexxi mill-ġurnalista…

Politika

F’kollegament dirett ma’ TVM, fuq il-programm Insights immexxi mill-ġurnalista Norma Saliba, l-uffiċjal tal-Partit Laburista Louis Gatt, qal li ħarġu xi riżultati proviżorji mill-ewwel għadd tal-voti. Dr Miriam Dalli għall-Partit Laburista…

Elezzjoni

Mis-sala tal-għadd tal-voti, dawk preżenti jinsabu fil-fażi tal-aġġudikazzjoni tal-vot – fejn il-voti li warrbu l-iscanners iridu jiġu aġġudikati mir-rappreżentanti tal-partiti fejn jieħdu deċiżjoni finali fuqhom. Il-proċess tat-35,00o vot aġġudikati jitlob…

Aktar