Quiven, tfajjel ċkejken nieqes mid-dawl, biss b’kuraġġ ta’ sur

Waqt il-programm ‘Popolin’ ġew diskussi bosta persuni b’abbiltajiet varji. Is-soċjetà li ngħixu fiha hija inklusiva daqs kemm ngħidu? Fost diversi persuni b’abbiltajiet differenti tkellimna ma’ persuni neqsin mid-dawl, li għalkemm mhumiex ftit fil-komunità Maltija, xorta għadhom jiltaqgħu ma numru ta’ diffikultajiet.

L-Erbgħa ta’ Jannar, hija l-ġurnata internazzjonali biex tqajjem iktar għarfien dwar il-lingwa tal-braille, lingwa użata minn diversi persuni neqsin mid-dawl. Iltqajna ma’ Quiven, tfajjel indipendenti b’bosta talenti. Tkellimna ma’ omm Quiven li spjegat li tagħmel minn kollox biex Quiven jitgħallem ifendi għal rasu. Stqarret li huwa tifel imqareb u kultant jagħmel ta’ rasu wisq, biss temmen li din il-karatteristika tista’ tgħinu l-quddiem biex jilħaq l-objettivi tiegħu. Quiven daqqilna wkoll silta mill-kanzunetta ‘Bella Ciao’, bil-pjanu. Spikkat ir-reżiljenza u d-determinazzjoni ta’ dan it-tfajjel li bl-iktar mod kuraġġuż jiffaċċja l-ħajja filwaqt li jkompli jistinka biex jevolvi t-talenti tiegħu.

Tkellimna wkoll ma Epifanio Vella, il-president tal-għaqda Visual/Non-visual Network. Tenna li peress li nieqes mid-dawl, ma kienx jemmen li se jkun kapaċi jaħdem it-tafal u ċ-ċeramika b’disinni maħluqa minnu, biss irnexxilu. Qalilna li xtaq jaħdem u jkollu familja bħal kulħadd u fil-fatt għandu tliet itfal addottati. Spjegalna li fil-mument qed isir proġett pilota f’Marsaxlokk, biex jiġi studjajt kif persuni neqsin bid-dawl jgħixu flimkien. “Li bniedem joqgħod jitħassar lilu nnifsu, hija l-agħar ħaġa. Inti trid tgħix!” temm jgħid Epifanio.