Barranin
Rabja wara li nofs l-Awstraljani reġgħu jinsabu f’lockdown

Fl-Awstralja aktar minn 13-il miljun ruħ, jiġifieri kważi nofs il-popolazzjoni tinsab f’lockdown bil-għan li jonqos it-tixrid tal-Covid-19.

Matul il-jum tat-Tlieta, it-tielet stat Awstraljan daħal f’lockdown bil-popolazzjoni ġiet ordnata ma toħroġx mid-dar f’South Australia, f’Victoria u f’partijiet minn New South Wales.

Tmintax-il xahar mill-bidu tal-pandemija, bosta nies esprimew frustrazzjoni kbira wara li reġgħu ġew ordnati ma joħorġux minn djarhom ħlief għall-bżonn.

Ċifri uffiċjali juru li hija biss 14% tal-popolazzjoni Awstraljana li ġiet imlaqqma, l-agħar rata fost il-pajjiżi tal-OECD.

Il-Prim Ministru Scott Morrison qiegħed jiġi kkritikat bl-aħrax dwar ir-rata baxxa ta’ tilqim, iżda rrifjuta li jagħmel apoloġija.

Huwa qal li ebda pajjiż fid-dinja ma kien mija fil-mija perfett fit-tmexxija tal-pandemija.  Tenna s-suċċess li kiseb pajjiżu biex żamm rata baxxa ta’ infezzjonijiet meta mqabbel ma’ pajjiżi oħrajn.

Huwa qal li waqt li fl-Awstralja, il-persuni li mietu bil-Covid kienu jammontaw għal 915, ir-Renju Unit irrapporta aktar minn 90 mewt f’ġurnata.